L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek
għamilna ħafna mirakli?” (Mt 7:22) Dan il-kliem li Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum skont San
Mattew ifakkarna ħafna dak li Ġesù jgħid lid-dixxipli fl-Evanġelju skont San Mark, qabel
jitla’ s-sema, meta jgħidilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien
kollu.” (Mk 16:15) u jsemmilhom is-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: “f’ismi jkeċċu x-
xjaten…iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu” (Mk 16:17-18).
Għaliex Ġesù fl-Evanġelju llum qisu qed jitkellem b’mod negattiv fuq dawn in-nies li jkunu segwew dak li hu stess qal lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom “warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!” (Mt 7:23)? Ġesù mhux qed jitkellem fuq min hu mdaħħal f’affarijiet ħżiena bħad-diżonestà, il-frodi, il-korruzzjoni, il-konflitti il-ġlied. Li qed isemmi Ġesù huma affarijiet tajbin – li xxandar l-Evanġelju, li tkeċċi x-xjaten, li tagħmel il-mirakli! Imma Ġesù qed isemmi hawn lil dawk li jagħmlu affarijiet tajbin, imma qalbhom hija ’l bogħod minn Alla. Hemm biss il-faċċata, dak li jidher, dak li jista’ jolqot l-għajn tan-nies, dak li jimpressjona. Mhijiex qalb li tfittex tassew ir-rieda ta’ Alla.
Dan hu messaġġ li jiswa ħafna għall-ħajja tagħna, ibda minna s-saċerdoti li l-ħidma nagħmluha f’ismu. Ġesù qed jgħid b’mod ċar li qalbna trid tkun magħquda miegħu, biex dak li nagħmlu jkun ħiereġ minn qalb kollha mħabba lejh. Huwa dak li jrid minna lkoll. Li nagħmlu l-affarijiet f’ismu – dan kollu hu tajjeb jekk hu msieħeb ma’ ħajja fejn qed infittxu li nagħmlu r-rieda tal-Missier. Li bis-serjetà f’ħajjitna nfittxu li ngħixu l-kelma tiegħu.
Jekk nirriduċu l-ħidma tagħna għal faċċata biss reliġjuża imma li fil-qalba hi ’l bogħod minn Alla, jekk inkunu biss funzjonarji reliġjużi mingħajr qalb mimlija mħabba li tfittex ir-rieda tal-Mulej, dan kollu jġib reazzjoni qawwija minn Ġesù Fi żmienna l-kliem ta’ Ġesù jkun fuq dawk li jgħidulu: “Mhux f’ismek għamilna l-prayer meetings? Mhux f’ismek għamilna l-festi? Mhux f’ismek żejjinna l-knisja u t-toroq b’mod sabiħ biex niċċelebraw il-festi? Mhux f’ismek fraħna bl-istatwa?” U r-risposta ta’ Ġesù tkun: iva, dan kollu sabiħ ħafna u ta’ valur, imma jrid joħroġ minn qalb li tħobb lil Alla, u li tfittex ir-rieda tiegħu bis-serjetà. Hekk biss jagħmel sens.
L-enfasi ta’ Ġesù hu fuq is-smigħ tal-kelma ta’ Alla u li nfittxu li ngħixuha f’ħajjitna. Hemm inkunu qed nibnu fuq il-blat, fis-sod. Ostakli jkun hemm, sfidi qawwija jiġu, imma ma jħarbtuniex jekk ħajjitna tkun mibnija fuq il-blat. Jekk, flok dan, infittxu li nagħmlu l-affarijiet għal wiċċ in-nies jew mifrudin mill-imħabba ta’ Alla, hemm inkunu qed nibnu fuq ir-ramel. Jekk nibnu fuq ir-ramel, kollox f’mument jew ieħor jisfaxxa, jintilef.
Illum f’din il-quddiesa qed nirringrazzjaw lil Alla għall-ħidma tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali f’għeluq din is-sena akkademika. Din il-ħidma hi indirizzata qabel xejn biex lilna lkoll, b’mod partikulari lil dawk li kellhom sehem attiv f’din il-ħidma permezz tad-diversi korsijiet, kemm studenti kif ukoll letturi u staff, tgħinna nibnu ħajjitna fuq il-blat, fis-sod. Biex f’dak li nagħmlu infittxu li ngħixu l-kelma ta’ Alla, u nagħmlu r-rieda tiegħu f’ħajjitna.
Fl-għeluq ta’ din is-sena, nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din il-ħidma, u nġeddu dan l-impenn biex inkomplu nkunu ispirati mill-kelma tiegħu; biex kull darba li ngħidu “Mulej, Mulej”, il-kliem li ngħidu u l-ħidma għall-ġid li nagħmlu jkunu ħerġin minn qalb li tħobb lil Alla tassew u li tfittex li tagħmel ir-rieda tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju