Il-jiem ta’ mistrieħ għall-Kandidati ta’ Malta u Għawdex saru bejn is-27-30 ta’ Ġunju 2024 fl-Għarb, Għawdex. Din kienet esperjenza fejn il-Kandidati kellhom iċ-ċans jgħixu ftit jiem flimkien fi spirtu Museumin. Minkejja li l-Kandidati jkunu ġejjin minn diversi oqsma minn Malta u Għawdex, dawn il-ġranet jgħinu biex huma jsiru jafu iktar lil xulxin u fuq kollox jitgħallmu minn xulxin kemm f’mumenti formali u ta’ riflessjoni, kif ukoll f’ħinijiet iktar soċjali.

Dawn il-jiem kienu mżewqa f’imħabba fraterna kif ukoll f’mistrieħ permezz ta’ attivitajiet sempliċi iżda li jnisslu l-ferħ. Fost l-oħrajn il-Kandidati żaru l-qasam tax-Xewkija, organizzaw xi logħob, għawm u kant flimkien. Fuq kollox, dawn il-jiem kienu mod ieħor kif dawn iż-żgħażagħ setgħu jagħtu glorja lil Alla fis-Soċjetà permezz tal-imħabba fraterna u bl-għajxien tal-ħajja sempliċi ta’ kuljum fil-preżenza ta’ Alla. Kif jgħid San Pawl Appostlu: “Ħuti, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10, 31).

Sors: Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranijasdcmuseum.org