Dun Martin Micallef
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Martin Micallef bħala l‑Vigarju Episkopali l‑ġdid għad‑Djakonija sabiex jassisti lill‑Arċisqof fil‑ħidma tal‑qadi tal‑Knisja favur il‑bniedem fil‑bżonn. Hu se jkompli jokkupa l‑kariga ta’ Direttur tad‑Dar tal‑Providenza.

L‑Arċisqof irringrazzja lil Mons. Charles Cordina għall‑ħidma twila tiegħu bħala kappillan f’diversi parroċċi, bħala Delegat għall-Kleru u membri tal-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata, bħala Delegat għall-Ħajja u Ħidma fil-Parroċċi, bħala Segretarju Pastorali u kif ukoll għad‑disa’ snin ta’ servizz bħala Vigarju Episkopali għad‑Djakonija b’servizz mal‑persuni l‑aktar fil‑bżonn fis‑soċjetà.

Dun Martin Micallef twieled fl‑10 ta’ Novembru 1967. Huwa rċieva l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof tal‑Virtù kif ukoll fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, fejn iggradwa fil‑Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali.

Huwa ġie ordnat saċerdot fil‑5 ta’ Lulju 1996. Serva bħala viċi kappillan fil‑parroċċa Tal‑Ibraġ (1996‑2000); kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Għaxaq (2000‑2005); u kappillan tal‑parroċċa ta’ Wied il‑Għajn (2005‑2008). Fl‑2008 Dun Martin Micallef inħatar bħala d‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza.

Huwa wkoll membru fil‑kunsill tal‑Kummissjoni għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabilità (CRPD) fejn jirrappreżenta s‑settur tas‑servizzi residenzjali għall‑persuni b’diżabilità.

Il‑Papa Franġisku jenfasizza li ma nistgħux indawru “ħarsitna mill‑ebda fqir” għaliex li tilħaq u taħdem mal‑foqra u ma’ dawk fil‑periferija huwa aspett ewlieni għan‑Nisrani u għall‑fidi Nisranija. Hu jħeġġeġ għas‑solidarjetà, ir‑rispett għad‑dinjità tal‑bniedem, u azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l‑faqar u l‑inġustizzja soċjali.

Fil‑missjoni tagħha li tkun Knisja li taqdi, il‑Knisja lokali trid tkompli twieġeb ukoll għal realtijiet ġodda ta’ faqar f’pajjiżna billi tkun ispirata mill-valuri tal-Evanġelu, tkun ta’ għajnuna, appoġġ u vuċi għal min m’għandux vuċi.