L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Christus Vivit, indirizzata liż-żgħażagħ u lill-poplu kollu ta’ Alla, jitkellem fuq San Sebastjan. Jgħid hekk: “Permezz tal-qdusija taż-żgħażagħ il-Knisja tista’ ġġedded il-passjoni spiritwali u l-ħeġġa appostolika tagħha. Il-balzmu tal-qdusija msawwab mill-ħajja tajba ta’ tant żgħażagħ jista’ jdewwi l-ġrieħi tal-Knisja u tad-dinja, u jerġa’ jwassalna għal dik il-milja tal-imħabba li għaliha sa minn dejjem konna msejħa: iż-żgħażagħ qaddisin qed iħeġġuna biex nerġgħu lura għal dik l-ewwel imħabba (ara Apok 2:4)” (Christus Vivit, 50). Hu u jipproponi lil dawn iż-żgħażagħ li għexu l-qdusija u li jħeġġuna għal dik l-ewwel imħabba, l-ewwel ma jsemmi l-Papa fost dawn iż-żgħażagħ hu lil San Sebastjan.

Fi ftit kliem il-Papa jfisser il-ħajja tiegħu: “Fit-tielet seklu, San Sebastjan kien żagħżugħ kaptan tal-gwardja Pretorjana. Jingħad li kien jitkellem fuq Kristu kullimkien u kien ifittex kif jikkonverti lil sħabu, sakemm ingħata l-ordni li jiċħad il-fidi tiegħu. Billi ma aċċettax, waddbulu għal fuqu xita ta’ vleġeġ, imma għex u kompla jħabbar lil Kristu bla biża’. Fl-aħħar ippersegwitawh sakemm qatluh” (Christus Vivit, 51).

Dan hu, fi ftit kliem, x’jgħid il-Papa Franġisku. Kemm hi sabiħa li lil San Sebastjan il-Papa jqiegħdu bħala mudell għaż-żgħażagħ u għalina lkoll biex nikbru fil-qdusija. Nixtieq li llum nikkonċentraw fuq dan il-kliem tal-Papa Franġisku, u naraw iktar fid-dettall il-punti li jsemmi hu fuq San Sebastjan, u kemm huma ta’ għajnuna għalina lkoll fil-ħajja tagħna.

Żagħżugħ kaptan

ll-Papa jgħid li San Sebastjan kien “żagħżugħ kaptan tal-Gwardja Pretorjana”. L-innu popolari sabiħ ta’ din il-parroċċa jsejjaħlu “glorjuż suldat qalbieni”. Fil-fatt, it-tradizzjoni tgħid li kien suldat żagħżugħ, kuraġġuż, ta’ kwalità, ta’ professjonalità. Kellu pożizzjoni prestiġjuża bħala uffiċċjal, u kien igawdi stima fil-Gwardja Pretorjana ta’ Dijoklezjanu.

Imma kien bniedem ta’ kuraġġ mhux biss fil-qadi ta’ dmiru bħala suldat, imma fuq kollox għax kellu l-qawwa li jimxi mas-sewwa. Kien bniedem ta’ fibra, ta’ karattru. Fil-pożizzjoni importanti li kellu, ġie mument fejn kellu jagħmel għażla: jew ikun ħaġa waħda mal-imperatur u jgħidlu iva għal kollox, u jaċċetta li jimxi miegħu ukoll meta jagħmel il-ħażin; jew jiqaflu. San Sebastjan għażel it-triq l-iktar diffiċli u ma beżax jiqaflu lill-imperatur.

San Sebastjan kien bniedem ta’ prinċipju li ma beżax jagħżel is-sewwa. F’dan għandu messaġġ qawwi li jagħti llum lilna lkoll. Lil kull min għandu xi awtorità fis-soċjetà Maltija – tkun xi tkun din l-awtorità – San Sebastjan iħeġġu jkun bniedem ta’ fibra, ta’ prinċipju, li ma jċedix għall-pressjoni biex jgħawweġ is-sewwa, imma li jemmen li l-għażla tas-sewwa hi t-triq rebbieħa. Tafu li din mhijiex faċli u llum bħala soċjetà qed inbatu l-konsegwenzi tal-għażliet ta’ min mexa mal-kurrent u ma fittixx dak li hu sewwa. Imma l-messaġġ mhuwiex biss għall-persuni fl-awtorità, imma għal kull wieħed u waħda minna. San Sebastjan iħeġġiġna biex ikollna l-kuraġġ li nagħżlu dejjem is-sewwa – hekk jgħallimna dan iż-żagħżugħ kaptan qalbieni.

It-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu, jitkellem proprju fuq hekk: “Jekk tbatu minħabba s-sewwa, ħenjin intom!…Aħjar tbati għax tagħmel it-tajjeb, jekk din hi r-rieda ta’ Alla, milli tbati għax tagħmel il-ħażin” (1 Pt 3:14.17). Diversi nies fil-ħajja qishom jeħduha bi kbira li trid tbati għax tagħmel it-tajjeb, kważi jinġibdu lura, imma San Sebastjan jurina li hemm hi l-qlubija vera, hemm hu l-kuraġġ.

Jitkellem fuq Kristu kullimkien

Il-Papa jgħid li San Sebastjan kien “jitkellem fuq Kristu kullimkien”. Hu jurina, bil-ħajja u bl-għazliet tiegħu, li l-ewwel għandu jiġi l-Mulej li jistħoqqlu l-aħjar u l-aqwa.

X’riedu minn Sebastjan? Il-Papa jgħidha fil-qasir: “Ingħata ordni biex jiċħad il-fidi tiegħu” u hu ma aċċettax li jiċħad il-fidi tiegħu. Għalhekk l-innu jsejjaħlu “difensur tal-fidi tagħna”. L-ordnijiet kien jobdihom bħala uffiċċjal, u kien jesegwihom, imma mhux li jiċħad il-fidi tiegħu. U dik kienet il-kundanna tiegħu: li baqa’ jħaddan il-fidi Nisranija. Qiegħda minquxa hawn fuq fl-iskultura f’din il-knisja – skultura li niftakarha ssir meta kont djaknu, niftakar lil Pawl u Karmenu jaħdmu fuqha – “Sebastianus Christianus”. Dik kienet il-kundanna: għax kien Nisrani. Mhux għax b’xi mod ma qediex dmiru sew, jew qarraq fil-ħidma tiegħu, jew għax ma kienx leali bħala suldat, imma l-kundanna kienet għax kien Nisrani. Dik kienet il-kundanna, imma dik kienet ukoll il-glorja tiegħu. Kien Nisrani ta’ veru. Ma ħalla xejn jiżvijah, ma mexxitux ir-regħba għall-flus jew il-kilba għall-poter jew ir-rabta mal-karriera. Ma ħalla xejn jiġi qabel Alla.

L-iskultura hawn fuq tgħid ukoll “Martyr Christi”, u l-antifona ssejjaħlu “egregie Christi martyr Sebastiane”. San Sebastjan miet martri u hekk ta l-aqwa xhieda tal-fidi tiegħu. Lil San Sebastjan narawh l-aktar fil-pitturi u skulturi marbut ma’ siġra bil-vleġeġ fih – u qala’, fi kliem il-Papa Franġisku, dik ix-“xita ta’ vleġeġ”, proprju għax kien difensur tal-fidi. Imma ma mietx bil-vleġeġ. Baqa ħaj. Ħasbuh li miet, imma baqa’ ħaj. Ġie salvat mill-armla nobbli Sant’Irene li marret bl-iskop li tagħtih difna b’dinjità, għax ħasbet li kienu qatluh, imma meta għarfet li kien għadu ħaj, ħaditu, daret bih u, flimkien ma’ oħrajn, dewwietlu l-ħafna feriti li kellu.

X’għamel San Sebastjan wara din l-esperjenza trawmatika tax-xita ta’ vleġeġ ġo fih? Beża’? Ħarab? Mar jistaħba? Ma beżax għalih innifsu, ma ħarabx ’il bogħod biex isalva ġildu, ma marx jistaħba, imma, fi kliem il-Papa, “kompla jħabbar lil Kristu bla biża’”. Din hija l-qawwa ta’ dan il-qaddis kbir, San Sebastjan: kompla jħabbar lil Kristu bla biża’.

Anzi, ikkonfronta wkoll pubblikament lill-imperatur Dijoklezjanu, biex jgħidlu f’wiċċu l-verità u biex iħeġġu ma jkomplix jippersegwita l-Insara. Kien hawnhekk li Dijoklezjanu ordna li Sebastjan jiġi msawwat bil-bsaten u l-ġisem tiegħu mitfugħ ġo fossa fil-ħmieġ. Hekk miet martri. Dawk li qatluh ħasbu li l-ġisem tiegħu qatt ma kienu se jsibuh, imma fil-fatt kien misjub u midfun b’dinjità. It-tbatija li għadda minnha San Sebastjan tfakkarna fil-kliem ta’ Kristu li smajna fl-Evanġelju: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ” (Mt 10:28).

San Sebastjan jagħtina dan il-messaġġ importanti: li aħna wkoll imsejħin biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna u ma npartuha ma’ xejn il-fidi tagħna. Jista’ jiġri kultant li qisna nistħu ngħidu li aħna Nsara, jew li nuru li aħna Nsara, jew qisu dan jiddependi fuq il-kunsens ta’ dawk ta’ madwarna. San Sebastjan ifakkarna li ma għandniex inċedu, ma għandniex nibżgħu, ma għandniex nistħu nuru li aħna Nsara u ngħixu tassew ta’ Nsara.

Għalhekk is-sejħa li jagħmlilna San Sebastjan hi biex aħna nkunu konvinti mill-fidi tagħna, u ma nibżgħux nistqarruha u nuruha fl-għemil tagħna. Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32).

Ifittex kif jikkonverti lil sħabu

Il-Papa Franġisku jgħid li San Sebastjan kien ifittex li jgħaddi l-fidi wkoll lil sħabu. Fil-fatt, insellmulu wkoll fl-innu għal dawk il-pagani f’Ruma li “l-fidi ħaddnu minħabba fik”. San Sebastjan kien lest li jwassal il-fidi lill-oħrajn. Ma rraġunax li la qed jgħix ma’ oħrajn li ma jħaddnux l-istess fidi jew li jemmnu f’affarijiet differenti, aħjar jiskot u jagħlaq ħalqu. Kellu dak is-sens ta’ missjoni li l-Papa Franġisku tant jenfasizza llum, u li għalih tant isejħilna lkoll bħala Nsara, biex nagħrfu li għandna din il-missjoni li nwasslu lil Kristu.

Ippriedka l-Kelma ta’ Alla fil-ħabs ta’ Nikostratu. Lin-nies ried iwassalhom għand Ġesù. Ħafna minn dawk li saru Nsara bis-saħħa tiegħu spiċċaw ċarċru demmhom u mietu martri bħalu. San Sebastjan kien jgħix il-kliem ta’ San Pietru li smajna llum: “Kunu dejjem imħejjija li tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom sodisfazzjon tat-tama li għandkom: imma wieġbu bil-ħlewwa u bil-ġieħ” (1 Pt 3:15-16).

San Sebastjan iħeġġiġna biex nagħrfu nwasslu lill-oħrajn għand Ġesù, biex nagħtu sodisfazzjon tat-tama li għandna fih. Dan nagħmluh b’kelma ta’ siwi, li nistgħu ngħidu, imma qabel xejn bix-xhieda tal-ħajja tagħna, għax hija x-xhieda li tista’ tattira lin-nies lejn Ġesù. Dan hu l-akbar ġid li nistgħu nagħtu u nagħmlu, u kontribut tassew f’waqtu għal soċjetà aħjar.

Isaħħaħna fit-tama

San Sebastjan isaħħaħna fit-tama. Qegħdin inħejju ruħna għas-sena d-dieħla, is-sena tal-Ġublew, li għandha bħala tema li nkunu “Pellegrini tat-tama”. San Sebastjan kellu fih din it-tama Nisranija li mexxietu f’ħajtu u li wasslitu biex miet martri.

X’inhi t-tama Nisranija? Il-kelma “tama” għal ħafna nies tfisser li hemm xewqa għal xi ħaġa tajba jew aħjar, imma hemm ukoll dubju. Meta ngħid: “nittama li ma tagħmilx daqshekk sħana”, hemm ix-xewqa u stennija ta’ xi ħaġa tajba imma hemm ukoll, fil-qiegħ, ċertu dubju, inċertezza, qisni qed nistaqsi “min jaf?”. Imma t-tama Nisranija mhijiex hekk. Mhijiex mibnija fuq xewqa mħallta ma’ dubju jew fuq inċertezza. It-tama Nisranija hija mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu. It-tama Nisranija għandha l-bażi f’din l-imħabba li ma tqarraqx bina u li tgħinna biex ngħixu hawn, din il-ħajja, bl-isbaħ mod, u li qatt ma nitilfu l-viżjoni li aħna pajżana tas-sema pajjiżna – dik il-viżjoni li kellu San Sebastjan u li wasslitu biex imut martri għax jaf li aħna pajżani tas-sema pajjiżna.

Fl-innu lil San Sebastjan nitolbuh: “B’dik l-imħabba li fik tgħammar…Mexxina u ieqaf magħna”. Illum nitolbu lil San Sebastjan biex ikun is-sinjal ta’ tama fil-mixja tagħna f’din il-ħajja.

B’leħen wieħed u b’qalb waħda

Nitolbuh b’mod speċjali għal din il-komunità parrokkjali ta’ San Sebastjan, u nsemmi partikolarment iż-żgħażagħ li lilhom il-Papa Franġisku jqiegħed bħala mudell lil San Sebastjan. Nitolbuh biex jidħol għalina fid-diffikultajiet tal-ħajja, meta nħabbtu wiċċna mal-iebes u kultant naħbtu naqtgħu qalbna. Bl-għajnuna tiegħu jirnexxielna nimxu ’l quddiem bit-tama li ma tqarraqx bina, “u żernieq ta’ ġranet isbaħ, f’ferħ jitbiddel tagħna d-dmugħ”.

Nitolbuh lil San Sebastjan biex jgħinna nkunu pellegrini tat-tama fis-soċjetà Maltija llum, ħalli nagħrfu nagħtu xhieda tal-valuri sbieħ li jibnu s-soċjetà. Ħa nsemmi b’mod speċjali l-valur tal-ħajja. San Sebastjan spiċċa vittma ta’ soċjetà fejn min imexxi ma kienx jgħożż il-ħajja tal-bniedem, ma kienx iqis il-ħajja tal-bniedem bħala ħajja għażiża, hu min hu, hi min hi l-persuna. Kien jagħmel għażla bejn min għandu jgħix u min ma għandux. Meta xi ħadd jippretendi li għandu dritt li ħajja umana jeqridha, hemm tkun theddida fundamentali għas-soċjetà kollha. Għalhekk nitolbu lil San Sebastjan biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha.

Bħalma hi għażiża l-ħajja ta’ żagħżugħ bħal San Sebastjan, hi għażiża wkoll il-ħajja ta’ anzjan jew anzjana li waslu fit-tmiem ta’ ħajjithom imma jeħtieġu l-appoġġ u l-għajnuna biex jgħixu b’mod tajjeb it-tmiem ta’ ħajjithom; u hi għażiża wkoll il-ħajja ta’ min għadu ma twelidx imma tnissel, għax diġà hemm ħajja umana. San Sebastjan iħeġġiġna biex dejjem ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta ġa hemm ħajja umana, sat-tmiem naturali tagħha.

L-innu popolari jfakkarna li San Sebastjan jkun f’qalbna meta jmexxina biex aħna nkunu bħalu. Ejjew nitolbuh illum f’din il-quddiesa li nkunu Nsara ta’ fibra, Nsara ta’ veru, li ma nibżgħux nistqarru l-fidi tagħna u nwasslu t-tama speċjalment bl-għemil tagħna, fis-soċjetà Maltija llum. Imbagħad inkunu nistgħu tassew ngħidu b’entużjażmu dak li ngħidu fl-għeluq tal-innu popolari.

“B’leħen wieħed u b’qalb waħda
Kif aħna llum ferħanin
Viva ngħajtu Sebastiano
Protettur tagħna l-Qormin”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju