Id-delegati tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, miġbura f’Cave, l-Italja, għas-26 Kapitlu Ġenerali tagħhom bejn it-8 u s-27 ta’ Lulju, għadhom kemm ħatru lil Swor Ġużeppina Zammit bħala s-Superjura Ġenerali l-ġdida, u flimkien magħha l-Kunsill Ġenerali.
Il-Madre Ġenerali l-ġdida hija minn Ħal Safi, u qed tieħu post oħtha, Swor Vitaliana, fit-tmun ta’ din il-kongregazzjoni reliġjuża, li barra l-għadd ta’ kunventi u skejjel f’pajjiżna, illum hi mxerrda ma’ bosta rkejjen oħra tad-dinja, fost l-oħrajn fl-Afrika, fl-Amerika u fl-Awstralja.
Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, magħrufin lokalment bħala s-‘Sorijiet tal-Istilla’
minħabba l-oriġni tagħhom, huma waħda miż-żewġ kongregazzjonijiet reliġjużi femminili mwaqqfa f’Għawdex fis-seklu 19. Bdew bil-ħidma ta’ saċerdot mir-Rabat, Dun Ġużepp Diacono, li din is-sena qed jitfakkru l-100 sena minn mewtu. Imnebbħa minn Alla, fuq il-pedament tiegħu mbagħad kompliet tibni xebba minn Ta’ Kerċem, illum il-Venerabbli Madre Margerita De Brincat, li flimkien miegħu hi meqjusa bħala fundatriċi.
F’rabta maċ-ċentinarju mill-mewt tal-fundatur, li tfakkar fit-22 ta’ Lulju, l-istoriku Mons. Dr Joseph Bezzina ta lill-Kapitlu Ġenerali miġbur f’Cave, qrib Palestrina, żewġ taħditiet
importanti dwar il-figura ta’ dan is-saċerdot Għawdxi li għex bejn l-1847 u l-1924, u li ħalla bosta opri ta’ fejda f’art twelidu.
Il-Kapitlu Ġenerali fetaħ b’ċelebrazzjoni fil-Bażilika ta’ San Pietru nhar it-8 ta’ Lulju,
immexxija mill-Kardinal Għawdxi Mario Grech.
Sors: Newsbook Malta