L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ma nafx jekk tiftakrux, li fil-bidu ta’ din is-sena, kont għidtilkom li hi sena speċjali ddedikata lill-Evanġelista San Mark, li hu l-iqsar Evanġelju; u għalhekk, b’mod speċjali fil-perjodu tas-sajf, se nibdew nisimgħu wkoll siltiet mir-raba’ evanġelju, mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. U nibdew illum, proprju, billi nitilqu ftit l-Evanġelju ta’ San Mark, li qed jitħabbar fil-Ħdud ta’ Matul is-Sena; u nibdew nisimgħu siltiet sbieħ mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu 6. Il-kapitlu 6 hu kapitlu twil. Se nisimgħu biċċiet minnu, prattikament naqrawh kollu fil-ġimgħat li ġejjin; u jitkellem dwar Ġesù,  bħala l-ħobż tal-ħajja, fil-kelma tiegħu u fl-Ewkaristija.

Dan il-kapitlu jibda b’din ix-xena ta’ Ġesù. L-ewwel nett li n-nies jafuh bħala l-bniedem li għandu kelma qawwija u li jġib il-fejqan, allura diġà attirati lejh; u jarahom ġejjin lejh. Tipikament, bħalma jagħmel hu, qed jgħid, irrid nieħu ħsiebhom dawn in-nies; u lil Filippu jgħidlu; issa lil dawn in-nies kollha, kif se nitimgħuhom? Filippu, mill-ewwel imur jaħseb f’soluzzjoni ta’ xiri u bejgħ, ta’ flus. “Mitejn dinar ħobż ma jkunx biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit” (Ġw 6:7). Dinar kien il-paga ta’ ġurnata. Mela aħna qed ngħidu li l-kalkolu ta’ Filippu kien mitejn jum xogħol biex titma’ għal ikla waħda din. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna li Ġesù “kien jaf x’sejjer jagħmel” (Ġw 6:6); imma kien qed jara x’soluzzjoni noffru aħna.

Aħna ġeneralment, kif ngħidu bl-Ingliż: ‘We throw money at a problem’. Għandna sfida, nitfgħu kemm ikun hemm, jew niddejnu biex nippruvaw insolvu l-problema. Il-flus huma importanti, u tagħmel ħafna affarijet bihom, imma mhumiex is-soluzzjoni ta’ kollox.

Indrì, ħu Xmun Pietru, jippreżenta lil Ġesù, l-offerta ċkejkna ta’ tifel żagħżugħ. Dawn il-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, li jsiru s-sinjal tal-qawwa ta’ Ġesù, anke tal-Ewkaristija. Ġesù jilqa’ din l-offerta. Nistgħu ngħidu, l-offertorju li aħna niċċelebraw fil-quddiesa, għandu wkoll il-bidu tiegħu f’dan il-ġest ta’ dan it-tfajjel; ġest sempliċi. Mulej, aħna qed noffrulek dak li int tajtna, mhux hekk ngħidu fl-offertorju: ‘Mill-ġid li inti tajtna’. U inti, x’se tagħmel b’din l-offerta ċkejkna? Dan is-sinjal, San Ġwann ma jsejjaħlux miraklu. Il-ġest ta’ Ġesù li jitma’ ħamest elef raġel, u dawk li jkun hemm magħhom, bil-ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet, ma jgħidlux miraklu, imma jgħidlu ‘sinjal’. Is-sinjal tal-qawwa ta’ Ġesù, is-sinjal li Ġesù kapaċi b’offerta ċkejkna jagħmel ħwejjeġ kbar.

Il-Papa Franġisku jinsisti Jinsisti fuq id-djalogu bejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-ġenerazzjoni tan-nanniet; li hi ġenerazzjoni ta’ esperjenza, tiġrib, umiljazzjoni, għerf u suċċess. Għax dan id-djalogu jagħtina ħafna għerf.

Qrajt kumment, jien u nipprepara għal dan il-ħsieb, u se naqsmu magħkom. Jekk qrajtu, ma nixtieqx nieħu l-copyright tiegħu, għax ma jkunx sew; mhix idea tiegħi, imma laqtitni ħafna. Dan l-awtur li qrajt jgħid li aħna ħafna drabi, meta niġu biex nagħmlu deċiżjoni importanti fil-ħajja, nagħmlu ħafna kalkoli: imma d-dar lesta? Imma jien studjat biżżejjed? Imma jiena preparat għal dan il-pass? Mentri Ġesù għandu atteġġjament differenti, qed jgħidilna, offri dak li għandek, u kun konxju li l-offerta tiegħek hi fqira. M’għandniex għalfejn niddejqu, li quddiemu ngħidulu, l-offerta tiegħi hi fqira, imma jien se nafdahielek; se nafdahielek fl-imħabba; se nafdaha lill-imħabba. Għax Ġesù, l-Iben ta’ Alla, hu l-Iben tal-imħabba. Għalhekk din l-offerta ta’ dan it-tfajjel u l-ħsieb ta’ dan l-awtur bravu laqtuni ħafna. Anke l-inkwatru titulari ta’ din il-kappella laqatni.

Hi l-ewwel darba li ġejt f’din il-kappella. Nirringrazzja lill-poplu tal-Qrendi li żammha u  anke lill-kappillani li ħadu ħsiebha u rrestawrawha biex ikollna patrimonju li jibqa’ għall-futur.

Imma f’dan l-inkwatru, hemm mara xwejħa li jisimha Anna – in-nanna ta’ Ġesù – li n-neputi tagħha nzerta kien l-Iben ta’ Alla. Qed toffrilu tuffieħa – offerta ċkejkna. Veru ‘an apple a day keeps the doctor away’; imma ma ninsewx, li fl-oriġini kien hemm xi ħadd li offra tuffieħa lil Adam u Eva, u ġabielna ħafna inkwiet, f’dik l-istorja tal-Ġenesi.

Almenu din in-nanna, qed toffri t-tuffieħa lil xi ħadd li jista’ jirranġa dak li għamilna bl-ewwel offerta ħażina. Offerta ħażina li ġiet mifdija b’offerta tajba. Allura, lil Alla ma niddejqux noffrulu dak li għandna. Anke f’relazzjoni, ejjew nilqgħu lil xulxin kif aħna; u fil-laqgħa tal-imħabba, insiru aħjar. In-nanniet tagħna, pereżempju, illum f’din il-quddiesa li qegħdin infakkru għalihom ukoll, għandhom ħafna x’joffrulna. Il-Papa Franġisku jinsisti fuqha ta’ kull sena. Jinsisti fuq id-djalogu bejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-ġenerazzjoni tan-nanniet; li hi ġenerazzjoni ta’ esperjenza, tiġrib, umiljazzjoni, għerf u suċċess. Għax dan id-djalogu jagħtina ħafna għerf.

Aħna u nibdew nisimgħu lil Ġesù jintroduċina għad-diskors qawwi tal-Ewkaristija, li qegħdin niċċelebraw illum, nieqfu fuq dan il-mument tal-offertorju. L-offerta ċkejkna, anke tagħna: il-ħobż u l-inbid. X’se jsiru? Fl-Ewkaristija jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Qegħdin niċċelebraw illum, mhux nagħmlu parodija; qegħdin niċċelebraw l-iżjed ħaġa qaddisa li għandna, aħna li nemmnu, u li nesiġu li dak li jkun jirrispetta dak li qed nagħmlu. Għax fl-offerta fqajra tagħna l-Mulej jibdilha fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu. Min irid jirrispettana, jirrispetta l-Ewkaristija.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Slat 4:42-44
Salm: 144(145):10-11,15-16,17-18
Qari II: Efes 4:1-6
L-Evanġelju: Ġw 6:1-15

Aktar ritratti