Mons. Prof. Emmanuel Agius inħatar President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Din se tkun it-tielet darba għal Mons. Prof. Agius li se jkun qed iservi bħala President tal-Fondazzjoni.
L-Arċisqof Charles Scicluna kien ħatar lill-Mons. Prof. Agius bħala membru tal-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan fil-25 ta’ Jannar 2018, u bħala membru tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-1 ta’ Awwissu 2019. Huwa kien President tal-istess fondazzjoni fl-2020 u fl-2022.
Meta aċċetta l-irwol il-ġdid tiegħu, Mons. Prof. Agius irringrazzja lill-Arċisqof għall-fiduċja tiegħu fih. Irrimarka li l-fondazzjoni għandha sena ta’ proġetti eċitanti u inizjattivi innovattivi. Stqarr li jinsab ħerqan li jkompli jikkonsolida l-konkatidral bħala spazju sagru ta’ qima u biex juri “l-monument kulturali u reliġjuż ewlieni tan-nazzjon tagħna u l-artefatti tiegħu fuq livell internazzjonali”.
Mons. Prof. Agius, kien Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, kiseb il-Baċċellerat fit-Teoloġija Sagra (S.Th.B.) u postgraduate (S.Th.L.) fil-filosofija u teoloġija mill-Università ta’ Malta, u M.A. fil-Filosofija kif ukoll Dottorat fit-Teoloġija Sagra (S.Th.D) mill-Università Kattolika ta’ Leuven, il-Belġju.
Bħalissa jservi bħala professur tat-Teoloġija Morali u l-Etika Filosofika fl-Università ta’ Malta.
L-isfond akkademiku tiegħu jinkludi riċerka post-dottorat fil-bijoetika fl-Università ta’ Tübingen, il-Ġermanja, appoġġjata minn fellowship Alexander-von-Humboldt Stiftung; fl-Università ta’ Georgetown, Washington, D.C., bħala Fulbright studjuż; u fl-Università ta’ Notre Dame, Indiana, U.S.A., taħt borża ta’ studju ta’ Theodore Hesburgh.
Mons. Prof. Agius serva bħala l-Kap tad-Dipartiment tat-Teoloġija Morali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Mill-2005, huwa kien membru tal-Grupp Ewropew tal-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji Ġodda (EGE), grupp konsultattiv għall-Kummissjoni Ewropea, u membru tal-Akkademja Pontifikali għall-Ħajja. Huwa wkoll moderatur tal-Kummissjoni dwar l-Etika tal-Kummissjoni tal-Isqfijiet Ewropej fl-Unjoni Ewropea (COMECE).
Huwa ppubblika bosta xogħlijiet fuq kwistjonijiet bijoetiċi, soċjali, u ambjentali, kif ukoll dwar iż-żwieġ u s-sesswalità, f’ġurnali akkademiċi internazzjonali.
Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO u teżor internazzjonali. Il-Fondazzjoni tiżgura l-konservazzjoni u l-ġestjoni effettiva tal-knisja u l-mużew kemm bħala monument storiku kif ukoll arkitettoniku kif ukoll post sagru ta’ qima.