Żabbari imma mal-Furjana. Mal-Arsenal, imma fl-iskola mar-Reds, ma’ La Vallette. Lasalljan, edukatur olistiku li dejjem ħares il-moħħ, il-qalb u r-ruħ ta’ eluf ta’ studenti. Kien hemm żmien li kien jitlob lil Alla li l-aħħar nifsijiet tiegħu jkunu fil-klassi mal-istudenti imma mbagħad bidel it-talba għax għaraf li kieku se jagħti qatgħa u battikata lill-għalliema! Ċentinarju.

Jiem biss qabel jagħlaq 100 sena Newsbook Malta ltaqa’ ma’ Br Edward Galea biex jiskopri aktar dwar minn fejn kienet ġiet is-sejħa tiegħu, u l-mument li fih ħarab lin-Nażisti u l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-istudenti llum il-ġurnata fid-dawl tal-fatt li hu għadu attiv fil-Kulleġġ De la Salle.

Jirrakkonta kif hu trabba ma’ nanntu Ħaż-Żabbar u kien spiċċa biex mar għand il-Freres ta’ Bormla għax ma rnexxilux jgħaddi mill-eżami tal-Matematika għall-marka waħda. Dik l-unika marka kienet il-punt tat-tluq għall-vokazzjoni tiegħu u l-imħabba tant kbira għall-edukazzjoni olistika.

Minn hemm, spiċċa biex mar jistudja Franza fi żmien li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u filwaqt li ħafna minn sħabu l-Maltin niżlu lura Malta hu baqa’ hemmhekk u għal darba darbtejn irnexxielu jeħlisha ħafif minn taħt idejn in-Nażisti!

Jirrakkonta wkoll il-mument li fih wasal minn barra u ma basrux li ġej lura tant li ħasbu li ħareġ minn Brother!

Kompla billi stqarr magħna li l-qraba ma kienu jkunu jafu xejn x’qed jiġri minn uliedhom u kien hemm ħafna għatx għall-komunikazzjoni tant li xi wħud wasslu anke għall-imwiet sfortunati.

Illum il-ġurnata hu jmur l-iskola kuljum u jqatta’ n-nofstanhar ta’ filgħodu hemm, jattendi l-quddiesa tal-Juniors u jispjega l-Evanġelju tal-Ħadd biex jara li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-Bibbja.

Mistoqsi xi jfisser għalih Br Louis li studja miegħu u li llum qiegħed fi triqtu għall-qdusija wieġeb li minn dejjem ra li t-talb kien parti naturali u kruċjali fil-ħajja tiegħu. F’dal-mument irrakkonta bosta esperjenzi tagħhom flimkien waqt li kienu għadhom fil-formazzjoni. Jaf ħafna mill-kitba tiegħu. It-talb għalih kien kontinwu, għad hemm uħud li għadu jrid jittraduċihom. Fakkar kif kull lezzjoni huma jibdewha, “Let us remember we are in the presence of God” u t-tfal iwieġbu “Let us adore him”.

“Il-fundatur, taqra kemm taqra, kien persuna sinjura, bħal donnu bħal ħafna mill-qaddisin ta’ żmienu, riedhom ikunu edukaturi li jpoġġu r-ruħ l-ewwel” stqarr Br Edward meta ġie mistoqsi xi jfisser għalih il-fundatur San Ġwann Battista De La Salle. Mal-lezzjonijiet kollha li jagħmlu, ikun hemm ukoll ħin ta’ talb anke flimkien bħala skola fil-preżenza ta’ Alla, xi ħaġa li qal li ħafna jsemmulu l-Old Boys.

Enfasizza li t-tfal għandhom jieklu mal-ġenituri tagħhom, u saħaq li hemmhekk hemm ukoll edukazzjoni; rispett, “mhux biss kemm tkun taf matematika imma kif iġġib ruħek mal-familja u anke m’Alla”, tenna Br Edward. Kompla bl-insistenza fuq ix-xbieha tad-Dar ta’ Nazaret u s-sabiħ tal-għaqda tal-familja. B’ferħ qasam magħna li l-Old Boys dak li ħadu mill-iskola qed jippruvaw jgħadduh lil uliedhom.

“Ħin għal kollox, ballet, pjanu, football, privat ta’ xi suġġett u ma hemmx ċans għal quddies, dik qed nagħtuha akar importanza minn ruħi, tagħmel sew tmur dawn l-affarijiet imma darba f’ġimgħa ma għandekx ċans tmur darba l-Knisja tqerr u titqarben?” – irrifletta Br. Edward dwar ir-realtà ta’ ħafna studenti. Kuntent ħafna li l-istudenti jkunu nvoluti fil-kor u riċentament waqqfu banda. Iħobb l-innijiet Marjani, irrifletta fuq l-effetti tal-pandemija fuq il-ħajja skolastika bħal pereżempju esebizzjonijiet u skoprejna aktar fatti interessanti dwaru fosthom li beda jsuq u ma tantx irnexxielu għax min kien qed jgħallmu ma damx ma waqfu!

Iħobb ħafna l-futbol, mal-Furjana għax zijuh kien mal-Furjana. Il-futbol jemmen li sar business, għax il-plejers qed imorru ma’ min jaqlilbhom f’termini ta’ finanzi għaldaqtsnat jara r-riżultati biss imma ma jsegwix logħba, ma jistaportihiex.

Darbtejn kuljum jitlob ir-Rużarju filwaqt li jagħmel il-qari spiritwali. Fil-5.30pm ikollhom quddiesa flimkien. L-ikel favorit l-għaġin, imma dejjem iħobb jieħu dik id-daqsxejn ta’ soppa.

Nhar is-Sibt 17 ta’ Awwissu se tkun qed issir quddiesa fis-7.15pm fil-Knisja Madonna tal-Grazzja Ħaż-Żabbar u wara se jkun qed isir riċeviment fil-Kulleġġ De La Salle għal dawk kollha li jixtiequ jiċċelebraw miegħu għeluq sninu, b’mod speċjali eks studenti, eks kollegi u persuni li jafuh. Wieħed jista’ jaqta l-biljetti tiegħu minn fuq din il-ħolqa.

Bi tbissima temm jgħid li l-għalliema li min jaf kemm ikunu raw studenti f’sena waħda jgħidilhom, “aħseb u ara kemm tkunu rajtu, f’40, 50 sena għaldaqstant intom, taqbżu l-purgatorju u tibqgħu deħlin dritt il-ġenna!”

Kulħadd jemmen li għandu l-vokazzjoni tiegħu.

X’tikkummenta fuq il-fatt li għalaqt 100 sena?

“Mhux jiena 100 years. Il-Bambin tani dil-ħajja.”

Wieħed jista’ jsegwi l-kumplament tal-intervista hawnhekk:

Sors: Newsbook.com.mt