Din il-ġimgħa jitfakkar il-50 anniversarju mill-mewt tal-Isqof Emmanuel Galea permezz ta’ żewg quddisiet iċċelebrati mill-Isqfijiet ta’ Malta.

Mons. Emmanuel Galea twieled fl-10 ta’ Marzu 1891. Studja fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot nhar it-18 ta’ Diċembru 1915.

Fl-1917 kien maħtur Kanonku Teologu tal-Kolleġjata tal-Isla, fejn baqa’ jservi sal-1932 meta nħatar Kanonku tal-Katidral ta’ Malta. Kiseb id-dottorat fl-Università Gregorjana f’Ruma u fl-1930 inħatar Professur tal-Liġi Kanonika fl-Università ta’ Malta.

Fl-1933, l-Arċisqof Caruana talab lill-Isqof Galea biex isir direttur tal-Istitut ta’ Ġesù ta’ Nazaret fiż-Żejtun, orfanatrofju mmexxi mis-Sorijiet Missjunarji ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Hemmhekk kellu l-opportunità li jwettaq l-ambizzjoni tiegħu li jgħin lit-tfal foqra u żvantaġġjati. Fl-1940 inħatar Vigarju Ġenerali. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fid-9 ta’ Ġunju 1942, ġie nominat bħala Isqof Titulari ta’ Tralles u Isqof Awżiljarju ta’ Malta.

Mal-poplu Senglean jibqa’ mfakkar għall-kwadru tat-titular tal-artal tar-Rużarju, li kien ħallas għalih hu stess u għall-kitba tal-Innu ‘O Marija, O Ħelwa Bambina’ fl-1934.

L-Isqof Galea magħruf bħala ragħaj twajjeb u għaref, u bniedem ta’ qdusija u li kien jikkomunika b’ħafna sempliċità. Kien jattendi diversi sessjonijiet tal-Konċilju Vatikan II u kien jagħti importanza kbira lill-ispiritwalità Marjana fil-formazzjoni saċerdotali, kif ukoll il-libertà reliġjuża u l-Knisja fid-Dinja tal-Lum.

Mons. Galea kien magħruf għall-entusjażmu tiegħu għall-kelma t’Alla waqt l-omeliji, kitbiet u riflessjonijiiet, u bħala bniedem ta’ talb u karità. Matul ħajtu kien iqis il-qrar bħala prijorità u b’hekk kien ikun disponibbli għas-sagrament f’kull ħin. Kien jisma’ l-qrar kuljum fil-Kappella tal-Istitut ta’ Ġesù ta’ Nazaret fiż-Żejtun. Is-Sibtijiet, lejlet il-festi obbligatorji, kif ukoll fl-ewwel ġimgħa tax-xahar, kien iqarar għal kważi 5 sigħat sħaħ wara nofsinhar.

Mons. Galea miet fil-21 ta’ Awwissu 1974. Nhar l-24 ta’ Ġunju 2003 nbeda l-proċess tal-beatifikazzjoni mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

L-Isqof Galea se jitfakkar permezz ta’ quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fl-20 ta’ Awwissu fis-6:30pm fil-Kappella tal-Istitut ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun. L-Isqof Awżilarju se jiċċelebra quddiesa għall-anniversarju tiegħu wkoll fil-21 ta’ Awwissu fis-6pm fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla.

Sors: Newsbook.com.mt