L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kien fl-1950, kważi 75 sena ilu, meta l-Papa Piju XII kien iddikjara l-ġrajja ta’ Marija mtellgħa s-sema bħala parti essenzjali mit-twemmin tagħna, bħala domma tal-fidi. Li għamel il-Papa dik inhar ma kinetx xi inizjattiva ġdida, imma kien ġabar storja twila ta’ devozzjoni kbira fil-Knisja lejn Marija mtellgħa s-sema, kif nistgħu naraw f’ħafna opri tal-arti. Għalhekk il-Papa esprima dak li l-Knisja, sa mill-ewwel żminijiet, kienet temmen: jiġifieri li Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, hekk kif temmet ħajjitha hawnhekk.

Kien żgur mument ta’ ferħ kbir għall-Knisja kollha. Imma meta aħna niftakru f’din il-ġrajja, aħna naraw f’diversi rappreżentazzjonijiet tagħha fl-opri tal-arti – bħalma nistgħu naraw hawnhekk fl-istatwa sabiħa kif ukoll il-pittura ta’ Marija mtellgħa s-sema – lil Marija li qiegħda tielgħa ’l fuq, ħafna drabi mdawra mill-anġli, u f’diversi pitturi wkoll l-appostli jew nies oħra li qed iħarsu, qed jistagħġbu b’dan il-misteru kbir.

Verament, hija okkażjoni għalina ta’ stagħġib, ta’ meravilja, għal dan il-privileġġ speċjali li Alla ta lil ommu. Imma l-festa tal-lum ma tiġix biss biex aħna nistagħġbu, biex aħna nħarsu b’ammirazzjoni lejn Marija, imma tiġi wkoll biex naraw din il-festa hekk importanti fil-Knisja x’tgħidilna, lilna, għall-ħajja tagħna. Nixtieq insemmi tliet punti li naħseb huma ta’ siwi għall-ħajja tagħna, li naraw proprju f’din il-festa.

Is-sema pajjiżna

L-ewwel nett, Marija mtellgħa s-sema tfakkarna fid-destinazzjoni tagħna: li aħna lkoll
imsejħin biex naslu, fit-tmiem ta’ ħajjitna, fis-sema pajjiżna. U għalhekk terfgħalna ħarsitna ’l fuq biex aħna niftakru li dik hi d-destinazzjoni tagħna, fejn daħlet qabilna hi. Hi kienet l-ewwel li gawdiet b’mod sħiħ mill-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, imma aħna wkoll imsejħin biex fit-tmiem ta’ ħajjitna naslu fis-sema pajjiżna fejn nistgħu ngawdu wkoll lil Alla b’mod sħiħ.

Din hi importanti ħafna għal ħajjitna. Meta aħna niftakru li ħajjitna hija mixja lejn is-sema pajjiżna, hija differenti milli kieku ninsew dan u naħsbu li ħajjitna hija l-ftit snin li ngħixu hawn. Jista’ jiġrilna dan. Jista’ jiġrilna li minħabba ħaġa wara l-oħra fil-ħajja tagħna, qisna naħsbu li aħna għal hawn. U li l-ħajja hija biss ġabra ta’ esperjenzi, ta’ emozzjonijiet, ta’ ġrajjiet li xi wħud minnhom jagħtuna soddisfazzjon, oħrajn jiddiżappuntawna, imma qisu kollox jgħaddi u kollox jispiċċa fix-xejn.

Marija mtellgħa s-sema tfakkarna li mhux hekk. Ħajjitna għandha destinazzjoni. Aħna mexijn lejn is-sema pajjiżna. Għalhekk, meta niftakru dan, imbagħad dak li ngħixu hawn jagħmel sens, jekk verament ngħixuh b’dan l-iskop: li aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna. Dan il-ħsieb jeffettwa dażgur l-għażliet li nagħmlu llum hawnhekk, imma jgħinna wkoll, jagħtina ħafna tama, jagħtina ħafna faraġ.

Dan l-ewwel messaġġ li tagħtina Marija hu messaġġ ta’ kuraġġ. Biex aħna niftakru li ħajjitna għandha destinazzjoni: mexjin lejn is-sema pajjiżna. U biex nagħmlu l-qalb u niftakru li hi, bħala omm, takkumpanjana f’din il-mixja lejn is-sema pajjiżna.

Nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħarsuha

It-tieni messaġġ li nara f’din il-ġrajja neħduh proprju mill-Kelma ta’ Alla llum, mill-Evanġelju skont San Luqa, meta Ġesù kien qed ikellem lin-nies, u kien hemm waħda mara, li għolliet leħinha minn qalb il-folla, u biex tfaħħar lil ommu, lil Marija, qalet: “Hieni l-guf li ġiebek u s-sider li rdajt” (Lq 11:27). Jiġifieri qed tgħidlu: hienja ommok Marija. U Ġesù x’jgħidilha? “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11:28) Hi qed tfaħħar lil Marija għax ommu. U Ġesù qed ifaħħarha, qabel xejn, għax kienet hi li semgħet il-Kelma ta’ Alla u ħarsitha. Hi qed tfaħħar lil Marija bħala omm, u waħda tista’ tkun omm Ġesù; imma Ġesù qed ifaħħarha għal xi ħaġa li nistgħu nagħmlu aħna lkoll, u li mistednin biex nagħmlu aħna lkoll.

Għalhekk il-festa tal-lum tfakkarna mhux biss fejn irridu naslu, imma kif irridu ngħixu hawn biex naslu fis-sema pajjiżna. Marija tagħtina l-aqwa eżempju, proprju għax għexet dan li qed jgħid Ġesù llum. Hi kienet dik li semgħet il-Kelma ta’ Alla u ħarsitha sa mill-ewwel mument meta niltaqgħu magħha fl-Evanġelju – l-anġlu Gabriel jistedinha biex tkun Omm Alla, u hi għalkemm ma fehmitx kollox, imma fehmet li kien minn Alla u qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38)

U dak li qalet dak inhar għexitu kull jum tal-ħajja tagħha. Anke fl-iktar mumenti ta’ tbatija, kompliet tgħid dejjem “jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Niftakru li dak kien il-parir li tat Marija fit-tieġ ta’ Kana, l-aħħar kliem li hemm fl-Evanġelju li qalet hi, meta lill-qaddejja qaltilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom Hu” (Ġw 2:5). Għax hekk kienet tagħmel hi: “ħa jsir minni skont kelmtek”. Qed tfakkarna f’xi ħaġa importanti ħafna għall-ħajja tagħna: li l-ħajja tagħna tkun sabiħa meta aħna nfittxu tassew li ngħixu l-Kelma ta’ Alla, li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħarsuha. Li tkun il-Kelma ta’ Alla li tiggwidana fil-ħajja tagħna. Hemm tkun tassew ħajja sabiħa. Għalhekk li l-għażliet tagħna jkunu mdawla mill-Kelma ta’ Alla, l-impenn tagħna jkun li nagħmlu tassew il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum. Dan ifakkarna li hekk tkun sabiħa l-ħajja tagħna hawn; min ikun magħna nagħmlulu l-ħajja isbaħ, jekk verament ngħixu l-Kelma ta’ Alla; u hemm l-isbaħ preparazzjoni biex aħna nimxu lejn id-destinazzjoni tagħna, jiġifieri s-sema pajjiżna.

Dan hu l-messaġġ li tagħtina llum. Marija mtellgħa s-sema tfakkarna mhux biss fejn irridu ngħixu, imma kif irridu ngħixu hawn, kif jiswielna ta’ ġid li ngħixu hawn biex nistgħu naslu fis-sema pajjiżna.

Bi kliemna nfaħħru lil Alla u lil Ommu Marija

It-tielet messaġġ, marbut ħafna ma’ dan, hu li Marija llum tistedinna biex aħna nagħmlu ħajjitna ħajja ta’ tifħir lil Alla; u nżidu wkoll, tifħir lil Ommu Marija. Nafu li Marija għamlet dak l-innu sabiħ ta’ tifħir, fejn tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Għexet ħajjitha ħajja ta’ tifħir lil Alla, u kliemha kien kliem ta’ tifħir lil Alla.

Nixtieq nistedinkom, anke bħala komunità parrokkjali ta’ Ħad Dingli, biex intom tieħdu l-impenn biex il-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla u kliem li jfaħħar lil Ommu Marija.

Nafu fil-pjaga li għandna f’pajjiżna – mhijiex f’pajjiżna biss, imma hawn qed ngħixu – pjaga ta’ kliem ta’ tkasbir lil Alla u lill-Madonna. Tiskanta, ħafna nies jgħidu: “lanqas naf x’kont qed ngħid!” Veru, ma jistax ikun li kull min ikasbar lil Alla u lill-Madonna jkun jaf proprju x’qed jgħid. Imma hija ħasra!

Timxi fit-triq kultant u l-kliem li tisma’, ġieli anke ħiereġ minn dar, hu kliem ta’ tkasbir lil Alla u lill-Madonna. Għalhekk nistedinkom, aħna u qed nagħmlu dil-festa sabiħa lill-Marija mtellgħa s-sema, u speċjalment nixtieq insemmi l-innu popolari tagħkom, fejn intom tgħidu: “Waqt li aħna l-ulied ta’ Ħad Dingli, ngħajtu Viva dak ismek sabiħ!” Ara kif inhu eżatt il-kontra ta’ dak li kultant nisimgħu: Viva dak ismek sabiħ!

Kemm hu sabiħ meta ħajjitna tkun kontinwament, kemm b’li nagħmlu imma anke bil-kliem tagħna, innu ta’ tifħir lil Alla u lil Ommu Marija. Nindunaw li meta nagħmlu hekk, inkunu ħafna aktar fil-paċi aħna, u madwarna nġibu tassew il-paċi li jġib il-kliem li jfaħħar u jsebbaħ lil Alla u lil ommu Marija.

Għal dan nixtieq nistedinkom illum, lejlet il-festa, filwaqt li nitlob lil Marija biex tieħu ħsieb lilkom ilkoll, kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom, lill-morda tagħkom, lill-komunità kollha ta’ Ħad Dingli.

Nistedinkom biex nieħdu magħna dawn it-tliet punti ta’ messaġġ li tagħtina din il-festa ta’ Santa Marija: l-ewwel niftakru fid-destinazzjoni tagħna, fejn irridu naslu, is-sema pajjiżna; it-tieni, niftakru kif għandna ngħixu hawn, li ngħixu l-Kelma ta’ Alla, neħduha bis-serjetà fil-ħajja tagħna; u t-tielet li ħajjitna u kliemna jkunu ta’ tifħir lil Alla u lil Ommu Marija. Hu b’dal-mod li nistgħu ngħidu – xtaqt hawnhekk nikkwota l-innu sabiħ tagħkom, ir-ritornell tiegħu:

Ħalli tidwi l-għanja ta’ ħlewwa
Fuq il-baħar, fuq l-art, mal-ħolqien.
Sabiex l-isem ta’ Marija
jibqa’ jsaltan kullimkien.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju