“When I Grow Up – Heidi’s Show and Tell” hija pubblikazzjoni ġdida miktuba minn Lara Fenech, awtriċi tal-kotba tat-tfal. B’kitba poetika tirrakkonta ġurnata divertenti meta l-għalliema Ms Hannah tistieden lill-istudenti tagħha biex jaqsmu l-ħolm tagħhom għall-futur. Fost il-kalejdoskopju kollu kuluri, kostumi u impjiegi, Heidi, waħda mit-tfal tal-klassi, għandha ħolma sigrieta li tixtieq taqsam.

Il-kunċett ta’ ‘Show and Tell’ irawwem ħiliet ta’ taħdit pubbliku fit-tfal sabiex iħossuhom komdi jitkellmu quddiem sħabhom u jużaw kliem deskrittiv u sentenzi sħaħ.

Din hija t-tieni pubblikazzjoni ta’ Lara Fenech wara l-ktieb għat-tfal “I Am” ippubblikat is-sena l-oħra. Ispirata minn vjaġġ personali, wara li fl-2016 tilfet it-tarbija tagħha fit-tqala, Fenech fittxet li terġa’ tqajjem il-passjoni ta’ tfulitha għal-letteratura billi tikteb poeżiji u novelli għaż-żewġ uliedha żgħar. Hekk kif kompliet il-mixja spiritwali tagħha, Fenech żviluppat xewqa kbira li tilħaq liż-żgħar, u taqsam l-imħabba, il-paċi u serħan il-moħħ li Ġesù joffri f’dinja mimlija sfidi emozzjonali.

Il-ktieb “When I Grow Up – Heidi’s Show and Tell” jista’ jiġi ordnat b’email fuq [email protected] jew jinxtara minn Librerija Preca fil-Marsa.