Minn studju intensiv ta’ Caritas Malta rriżulta li l-ispiża tal-ikel minn Lulju 2020 sa Marzu 2024, għal familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal żdiedet b’49.9% fuq l-istess prodotti.

Caritas Malta nediet ir-raba’ edizzjoni tal-Minimum Essential Budget for a Decent Living (MEBDL) 2024; studju intensiv li sar għall-ewwel darba fl-2012 bil-għan li jeradika l-faqar, jippromwovi l-iżvilupp uman, u jinkoraġġixxi l-ġustizzja soċjali.

F’dan l-istudju ġie ppreżentat ukoll basket ta’ prodotti biex familja tgħix ħajja bażika iżda diċenti. Bażikament dan il-basket jikkunsidra ikel, ħwejjeġ, prodotti ta’ kura personali, tas-saħħa, housing, beni tad-dar, servizzi u manutenzjoni fid-dar, trasport kif ukoll l-edukazzjoni, il-kultura u r-rigali. Għaldaqstant dan il-basket ikopri l-ħajja normali u bażika.

F’kummenti lil Newsbook Malta, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li l-ikel għandu l-ikbar sehem mill-basket li jvarja bejn 33% u 56% skont il-familja. Hu semma kif matul dawn l-aħħar erba’ snin kien hemm żidiet straordinarji. “Aħna nistgħu nqabblu l-prezzijiet tal-ikel għax żammejna l-istess menu u l-istess prodotti,” sostna d-Direttur.

Fir-rigward tal-ikel, l-analista tad-data u r-riċerka Maria Ellul Desira spjegat li l-istudju ta ħarsa mhux lejn dak li n-nies qed jikkunsmaw iżda lejn dawk il-prodotti li għandhom jiġu kkunsmati.

Il-Home Economist Suzanne Piscopo qalet li matul dawn l-aħħar erba’ snin, huma raw żieda ta’ kważi 50% fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel li kienu ġew ikkalkulati fl-2020, għal familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal.

Għal familja b’single parent u żewġt itfal, kien hemm żieda ta’ 53.8% filwaqt li għal koppja anzjana ġiet identifikata żieda ta’ 33%.

Familji2020202220232024Żieda ta’ Persentaġġ
2 adulti u 2 itfal€7121.38€8,385.60€8,634.00€10,675.6049.9%
Single Parent u 2 itfal€5,167.82€6,315.36€6,509.88€7,948.7253.8%
Koppja Anzjana€3,374.84€4,215.84€4,347.36€4,488.6433.0%

L-istudju qies li t-tfal għandhom bejn id-9 u l-15-il sena, filwaqt li l-adulti għandhom bejn it-30 u l-45 sena. L-anzjani humi meqjusin li għandhom 65 sena jew iktar.

Ir-riċerka assumiet ukoll li l-membri tad-dar:

  • jinsabu f’saħħithom
  • jagħmlu użu mis-servizzi tas-saħħa b’xejn
  • għandhom il-karta r-roża
  • eliġibbli għall-għajnuna nazzjonali tal-ikel
  • eliġibbli għall-benefiċċju tal-enerġija
  • jipparteċipaw f’attivitajiet kulturali u ta’ edukazzjoni b’xejn
  • jagħmlu użu mit-trasport pubbliku
  • joqogħdu f’residenza tal-housing
  • jattendu fl-iskejjel tal-istat u jagħmlu użu mit-trasport b’xejn
  • għandhom tfal eliġibbli għal oġġetti edukattivi jew sportivi b’xejn

“Irħas jekk tixtri l-ħaxix u l-frott mill-vannijiet lokali”

Prof. Suzanne Piscopo stqarret li bosta nies igergru dwar kemm il-frott u l-ħaxix dejjem qed jogħla minn sena għal oħra. Għaldaqstant, Caritas Malta ħadet ħsieb tirriċerka dwar id-differenzi fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħaxix u l-frott bejn dak tas-supermarkets u dak mibjugħ mill-vannijiet tal-ħaxix u l-frott, kif ukoll mill-pitkalija.

Ir-riċerka sabet li għal familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal, il-ħaxix u l-frott mibjugħ minn vannijiet huwa irħas minn dak mibjugħ minn Greengrocer.

Madanakollu, l-irħas prezz fis-suq huwa l-ħaxix u l-frott mill-pitkalija ta’ Ta’ Qali. Dan jikkalkula li għall-ikel ta’ sebat ijiem, il-ħaxix u l-frott jammonta għal €40.61. Filwaqt li l-ogħla jinbiegħ mill-greengrocers li jinsabu fix-Xlokk ta’ Malta, b’differenza ta’ €12.03 ogħla minn dak preċedenti.

Minkejja dan l-istess prodotti huma orħos minn Għawdex. Dan għaliex l-istess prodotti mixtrijin mingħand vannijiet tal-ħaxix jammontaw għal €34.27, kważi €6 irħas mill-pitkalija ta’ Ta’ Qali.

Żieda sostanzjali ta’ oġġetti fil-basket 2024

B’differenza, din is-sena Caritas Malta ikkunsidrat bidliet jew żidiet ta’ oġġetti jew sitwazzjonijiet bħala parti mill-basket bażiku. Fosthom insibu l-prezz ta’ capsule wardrobesta’ adulti u tfal, supplimenti minerali, vitamini kif ukoll prodotto sanitarji, żjara għand tabib GP (€15), żidiet ta’ sigħat fl-użu tal-ACs biex issaħħan minflok l-użu ta’ ċilindri tal-gass, żieda fis-sigħat fl-użu tal-kompjuter, tar-radju u tat-TV, kif ukoll żieda fit-topup tal-mobile (minn €10 għal €15), fil-baġit għall-attivitajiet kulturali (minn €5 għal €10) u fil-baġit għar-rigali (minn 4 għal 8 rigali f’kull dar ta’ €15 kull wieħed).

Fid-dawl ta’ persuni li jinsabu waħedhom u li jsofru minn esklużjoni soċjali, il-Caritas ħadet ħsieb li żżid ukoll il-kura ta’ annimal domestiku bħala parti essenzjali għal ħajja bażika iżda diċenti. Filwaqt li dan il-basket naqqas l-ispiċa għat-trasport pubbliku minħabba li dan is-servizz jinsab b’xejn, żied l-użu rari ta’ taxis.

Ġew miżjuda wkoll il-baġits għad-drabi li wieħed jiekol barra (minn €10 għal €16 kull adult, u €10 għat-tfal) kif għad-drabi li wieħed jordna l-ikel minn kurrieri. Ġie kkunsidrat ukoll is-sussidju tal-Awtorità tad-Djar għal dawk li huma taħt jew fuq il-65 sena.

Caritas Malta ippreżentat 31 rakkomandazzjoni li minnhom għażlet 12 bħala prijorità. Il-koordinatur tas-servizzi psiko-soċjali Josef Pace qal li dawn il-proposti twieldu minn riċerka u riżultati ta’ dan l-istudju kif ukoll mill-esperjenza personali li l-ħaddiema tal-Caritas jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.

Huwa qal kif dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lill-awtoritajiet, lill-pubbliku ġenerali għall-fini ta’ għarfien kif ukoll għal skopijiet ta’ riċerka:

  • Titjib fil-COLA biex tiġi allinjata mal-inflazzjoni
  • Żieda fil-benchmark tal-faqar minn 60% għal 70%
  • Promozzjoni tal-litteriżmu u l-għarfien finanzjarju
  • Promozzjoni tal-inklużjoni diġitali għall-anzjani
  • Stabilizzazzjoni ta’ programmi home-sharing multi-ġenerazzjonali
  • Titjib fil-housing affordabbli
  • Introduzzjoni ta’ Identity Card għal min hu homeless aċċessibbli għall-NGOs
  • Eliminazzjoni tal-imgħaxx fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal min għandu dħul baxx
  • Aċċess għall-ikel bnin
  • Tnaqqis fil-ħela tal-ikel partikolarment mis-supermarkets, ħwienet u ristoranti + Mobile App li tindika l-ikel żejjed lill-NGOs u Food Banks
  • Inċentivi għall-intrapriżi biex jipparteċipaw f’sistema diġitali ta’ flus li jippermettu nies bi dħul baxx iħallsu għal prodotti u servizzi sostenibbli
  • Tiskatta riċerka li tinvolvi awditjar ta’ stil ta’ ħajja u l-konsum ta’ persuni bi dħul baxx

“Il-Gvern jagħti każ ideat u proposti differenti” – Ministeru għall-Politika Soċjali

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal irringrazzja lill-Caritas għal dan ir-rapport. Filwaqt li fakkar li l-Gvern wettaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet , qal li “il-Gvern jibqa’ jagħti każ ta’ ideat u proposti differenti”. 

Il-Ministeru qal li r-rapport jikkonferma li l-Gvern indirizza l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja permezz ta’ numru ta’ miżuri. Żied li fl-aħħar baġit tħabbru wkoll numru ta’ miżuri bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji bit-tfal, persuni b’diżabilità u pensjonanti.

B’referenza għall-eżerċizzju li sar mill-Caritas, il-Ministeru jgħid li dan ikompli jixhed il-ħtieġa li persuni li jistgħu jaħdmu effettivament isibu impjieg. Il-Ministeru rrefera għal numru ta’ miżuri li jgħinu biex persuna ittejjeb id-dħul tagħha u benefiċċji oħra li jsostnu lil min ma jistax jaħdem minħabba diżabilità jew mard tagħhom jew ta’ membri fil-familja.

“Il-qasma bejn dawk li jaqilgħu ħafna u dawk li jaqilgħu ftit qed tikber” – PN

Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport tal-Caritas lil delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione saħaq li f’pajjiżna il-qasma bejn dawk li jaqilgħu ħafna u dawk li jaqilgħu ferm inqas, dejjem qed tiżdied u tikber.

Huwa fakkar kif il-PN għandu pjan li jiġġieled l-għoli tal-ħajja b’numru ta’ proposti bħal li ż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata, li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda u li jiġu attirati xogħlijiet ta’ kwalità li jħallsu aktar lill-ħaddiema.

Dwar l-inizjattiva Stabbilità, intqal li xi tipi ta’ ikel mhuwiex inkluż, u għalhekk minkejja li l-għajnuniet dejjem se jgħinu, tajjeb li jkun hemm reviżjoni ta’ din l-iskema. Kien innotat ukoll li familji li qed jgħixu fuq il-benefiċċji biss jew paga minima waħda mhumiex qed ilaħħqu.

Sors: Newsbook.com.mt