L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għaxar xebbiet “ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus” (Mt 25:1). Ġesù jirrakkonta din il-parabbola ta’ dawn l-għaxar xebbiet, u jxebbahhom mas-Saltna tas-Smewwiet. Minn barra ma tarax id-differenza: dawn huma x-xebbiet li għandhom l-imsiebaħ f’idejhom, lesti biex jilqgħu l-għarus. U fil-fatt, l-istorja tgħid li l-għarus dam ma ġie, u għalhekk ilkoll raqdu.

X’inhi d-differenza bejn dawn ix-xebbiet? Ġesù stess jitkellem fuq id-differenza bejn ħamsa minnhom u l-ħamsa l-oħra. Jgħid: “ħamsa kienu boloh u ħamsa kienu għaqlin” (Mt 25:2). Minn barra ma tantx tara d-differenza. Id-differenza kienet, kif jgħid Ġesù, li l-ħames xebbiet boloh ma ħadux żejt biżżejjed għall-imsiebaħ tagħhom, waqt li l-oħrajn ħasbu għaż-żejt. U għalhekk ma setgħux iżommu l-imsiebaħ tagħhom mixgħula għal tul ta’ żmien. Kif nafu, l-importanti mhux li jkollok musbieħ f’idejk, imma li dan ikun jista’ jixgħel ħa jagħti d-dawl. U ġara li fil-mument l-aktar importanti, meta ġie l-għarus, dawn indunaw li ma għandhomx iż-żejt biex l-imsiebaħ tagħhom jibqgħu mixgħula.

Il-parabbola tgħid li dawn daru fuq l-oħrajn, u talbuhom ftit żejt minn tagħhom; imma l-oħrajn ma tawhomx, ma għenuhomx. Għalhekk, fil-mument kruċjali, spiċċaw bl-imsiebaħ li ma jistgħux iżommuhom mixgħula.

Kull parabbola għandha messaġġ, u l-messaġġ jagħtih Ġesù stess fl-aħħar ta’ din il-parabbola, meta jgħid: “Ishru, mela, għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25:13). Din mhijiex parabbola biex twassal il-messaġġ li aħna għandna ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Kif nafu, Ġesù insista ħafna fuq dan kemm-il darba, qal anke parabboli fuq hekk, bħall-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, u jinsisti li mhux biss għandna ngħinu lil min hu fil-bżonn, imma jekk hemm bżonn anke noħorġu minn triqtna, nibdlu l-pjanijiet tagħna, biex ngħinu lil min hu fil-bżonn. Imma hawn mhux dak hu l-messaġġ. Il-messaġġ huwa ieħor, qed jgħid “Ishru”. Għalhekk qed jgħid hawnhekk fuq ir-responsabbiltà tagħna individwali quddiem Alla; li meta hu jsejħilna, fil-mument li jsejħilna, ma nistgħux inserrħu fuq ħaddieħor, jew nissellfu xi ħaġa mill-ġid li għamel ħaddieħor, jew mill-għemil it-tajjeb ta’ ħaddieħor. Imma hija r-responsabbiltà tagħna quddiemu. Għalhekk dan hu l-messaġġ li qed jagħti. Qed jgħid: f’dal-mument, meta Alla jsejħilna, kull wieħed u waħda minna, ma nistgħux aħna niddependu fuq xi ħadd ieħor, imma aħna rridu nwieġbu għal ħajjitna, għall-għemil tagħna.

Dan Ġesù jgħidu mhux biex ibeżża’, imma biex jurina r-realtà. Jurina kemm hu importanti li aħna fil-ħajja tagħna jkollna l-musbieħ mixgħul, biż-żejt li jżommu mixgħul. X’inhu ż-żejt li jżomm il-musbieħ mixgħul? Hija l-imħabba u l-grazzja ta’ Alla fina, li aħna naċċettaw u li jgħinu biex l-għemil tagħna jkun tajjeb, biex l-għemil ikun tassew kif irid Alla. Għalhekk ma għandniex aħna, fil-ħajja tagħna, inserrħu fuq l-oħrajn, jew inġibu lill-oħrajn bħala skuża. Ngħidu: mhux kulħadd qed jagħmel hekk? Mela nagħmlu bħal kulħadd! Jew inkella tgħid: jien qaluli biex nagħmel hekk, jien kont ordnat biex nagħmel dil-ħaġa, kelli ordni biex nagħmel dak li hu ħażin, mhux tort tiegħi! Jew inkella tgħid: jien se nagħmel bħal sħabi kollha! Ġesù jfakkarna: quddiemu jien irrid inwieġeb għalija, mhux għal ħaddieħor. Ma nistax niddependi fuq ħaddieħor. Għalhekk importanti li nfittex, bl-għajnuna u l-grazzja ta’ Alla, li l-għemil tiegħi jkun jogħġob lil Alla. Bħalma qal Ġesù b’mod ċar lid-dixxipli: “intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14). U qalilhom: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemil tajjeb tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Dak hu l-iskop li kull wieħed u waħda minna, quddiem Alla, infittxu li nagħmlu tassew dak li jogħġob lilu, għax nafu li aħna rridu nwieġbu għall-għemil tagħna, u ma nistgħux niddependu fuq ħaddieħor.

Nitolbu lill-Mulej, ispirati mill-Kelma tiegħu, biex aħna nkunu għaqlin, u mhux boloh. Jgħinna ħalli l-musbieħ tal-ħajja tagħna jkun dejjem mixgħul u jagħti d-dawl, u naħsbu għal dak iż-żejt li hu l-grazzja u l-imħabba ta’ Alla fina, ħalli nagħmlu frott tajjeb li jagħti tassew glorja lil Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju