Lejlet il-45 Vjaġġ Appostoliku internazzjonali tiegħu, il-Papa Franġisku aktar kmieni llum żar il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma biex jitlob quddiem l-ikona tal-Verġni  Marija, Salus Populi Romani, fejn fada f’idejha l-vjaġġ tiegħu fl-Indoneżja, Papua New Guinea, Timore Leste, u Singapore.

Dan il-vjaġġ ta’ Franġisku fi tliet pajjiżi Asjatiċi u wieħed fl-Oċeanja, bejn għada 2 u t-13 ta’ Settembru, se jkun l-itwal wieħed fil-pontifikat tiegħu. Fl-età ta’ kważi 88 sena, il-Papa Arġentin għandu quddiemu vjaġġ li jaqsam żewġ kontinenti u kważi 40,000 kilometri.

L-ewwel waqfa tal-Papa sa tkun f’Jakarta, il-kapitali Indoneżjana, fejn jasal nhar it-Tlieta u jibqa’ sas-6 ta’ Settembru. Imbagħad hu se jtir lejn il-lvant biex iżur Port Moresby, il-kapitali ta’ Papua New Guinea, u Vanimo, bejn is-6 u d-9 tax-xahar. F’Dili, il-kapitali ta’ Timor Leste, hu se jieqaf bejn id-9 u l-11 ta’ Settembru, mnejn imbagħad jivvjaġġa lejn Singapore għall-aħħar tlett ijiem tal-vjaġġ tiegħu.

Il-popolazzjoni Kattolika fil-pajjiżi

Kien f’Diċembru 2023 li l-Papa Franġisku semma l-ewwel darba l-possibbiltà li jżur ir-reġjun. F’intervista ma’ stazzjon televiżiv Messikan, hu esprima t-tama tiegħu li jżur il-“Polinesja” f’Awwissu u art twelidu l-Arġentina iktar tard fis-sena.

Imbagħad, f’Jannar 2024, il-Papa qal lill-ġurnal Taljan La Stampa li se jżur Timor Leste, Papua New Guinea, u l-Indoneżja. Dan tal-aħħar għandu l-akbar maġġoranza Musulmana fid-dinja, u hawn il-Kattoliċi jgħoddu fuq 8 miljun ruħ, jew 3.1% tal-popolazzjoni. Min-naħa l-oħra, 32% ta’ Papua New Guinea huma Kattoliċi, jiġifieri xi 2 miljuni.

Timor Leste jokkupa predominanza Kattolika, xi 96% tal-popolazzjoni, jew fuq miljun ruħ, waqt li f’Singapore jgħixu 395,000 Kattoliku, li jirrappreżentaw 3% tal-popolazzjoni.

Mottos tal-vjaġġi

Il-Vjaġġi għandhom bħas-soltu logos u mottos differenti, skont il-karatteristiċi tal-pajjiżi partikulari u l-aċċent taż-żjara tal-Papa.

Fl-Indoneżja, arċipelagu kkaratterizzat minn firxa wiesgħa ta’ gruppi etniċi u soċjali, lingwi, kulturi u twemmin reliġjuż, il-motto magħżul hu: “Fidi – Fraternità – Kompassjoni”, waqt li f’Papua New Guinea l-enfasi hi fuq it-talb: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1).

Il-motto għall-Vjaġġ Appostoliku f’Timor Leste hu sejħa lil dan il-poplu biex jgħix il-fidi skont il-kultura u t-tradizzjonjiet tal-post: “Jalla l-fidi tiegħek tkun il-kultura tiegħek”. Mill-banda l-oħra, f’Singapore jispikkaw iż-żewġ kelmiet “Għaqda” u “Tama”, b’enfasi fuq il-komunjoni u l-armonija bejn nies ta’ twemmin differenti, kemm fil-Knisja u fis-soċjetà, imseddqa mit-tama għall-Insara fir-reġjun, speċjalment għal dawk li qed iġarrbu diskriminazzjoni u persekuzzjoni.

“Att ta’ ubbidjenza lejn il-missjoni”

Il-Kardinal Luis Antonio Tagle, Pro-Prefett tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, li aktar kmieni din is-sena żar Malta, ikkummenta li l-Isqof ta’ Ruma qed iħalli d-djoċesi tiegħu għal dan il-vjaġġ twil mhux biex jikser xi rekord, imma pjuttost f’“att ta’ umiltà quddiem il-Mulej li jsejħilna” u “f’ubbidjenza lejn il-missjoni”.

Il-vjaġġ tas-Suċċessur ta’ Pietru fl-Asja u l-Oċeanja qalb Knejjes b’“merħliet iżgħar”, skont Tagle, hu importanti għall-Knisja universali għax jista’ jħalli effett fuq dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-paċi fid-dinja.

Sors: Newsbook.com.mt