Dar Hosea din is-sena qed tfakkar l-għaxar sena mindu bdiet tgħin nisa vulnerabbli li ġew sfruttati fil-prostituzzjoni.  Bil-ħsieb ta’ Dr Anna Maria Vella, flimkien ma’ persuni oħra li llum jiffurmaw il-Bord u s-Sorijiet tal-Karità, Dar Hosea infetħet biex tipprovdi appoġġ essenzjali billi tgħin lin-nisa jiksbu lura d-dinjità tagħhom u jibnu ħajjithom mill-ġdid.

Skont artiklu ppublikat minn Newsbook, Maria Borg Pellicano tat ftit rendikont ta’ kemm kien hemm persuni li użaw is-servizzi tagħhom f’laqgħa li ġiet organizzata l-Erbgħa 11 ta’ Settembru għand is-Sorijiet tal-Karità. Fl-2018 użaw is-servizz 42 mara, fl-2019 48 imbagħad ħassew id-daqqa tal-pandemija u reġgħu niżlu għal 45. Fl-2021 kien hemm 62 mara, telgħu għal 73 u s-sena li għaddiet komplew jitilgħu għal 101 mara, żieda ta’ 38%. Is-sena li għaddiet kien hemm 65 mara li ġew assisti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Matul dawn l-10 snin sa Awwissu ta’ din is-sena diġà kien hemm 357 persuna li ngħataw attenzjoni individwali abbażi tal-każ tagħhom. Minnhom 34 kienu tfal ta’ nisa fil-prostituzzjoni u dan jindika li sa issa hemm żieda ta’ 16% fuq is-sena li għaddiet.

Sa mit-twaqqif tagħha, Dar Hosea kienet post ta’ refuġju għal dawn in-nisa vulnerabbli billi toffri servizzi kruċjali fosthom l-ikel, il-ħwejjeġ, u post sigur. Il-missjoni ta’ Dar Hosea tmur lil hinn mill-ħtiġijiet bażiċi. Bl-għajnuna ta’ professjonisti u għaqdiet komunitarji, Dar Hosea hi impenjata fit-trawwim ta’ ambjent sigur fejn in-nisa jistgħu jiżviluppaw ir-rispett lejhom infushom, u jerġgħu jiksbu l-indipendenza tagħhom permezz ta’ appoġġ meħtieġ.

Il-kawżi ewlenin tal-isfruttament spiss huma riżultat ta’ trawma, bħalma hu abbuż fit-tfulija u nuqqas ta’ sapport emozzjonali. Dawn l-esperjenzi jwasslu lin-nisa vulnerabbli biex ikunu vittmi ta’ iktar esperjenzi ħorox. Dar Hosea tindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz tad-drop-in centre li joffri programmi edukattivi, appoġġ għax-xogħol, u assistenza fid-djar, kura medika, kif ukoll kwistjonijiet legali.

Għal aktar informazzjoni dwar Dar Hosea, żur https://darhosea.org/ jew ikkuntattja +356 99508954.