Persuna li tħaddem wieħed mill-ħames Etjopjani li bħalissa jinsabu miżmuma fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni mar jitkarrab quddiem il-kamera jitlob biex ir-raġel jinħeles.

Dan l-episodju rrakkuntah id-Direttur tal-Kummissjoni Migranti Dun Anton D’Amato waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK103 li spjega kif il-persuna detenuta hija ta’ importanza kbira għal dan in-negozju taċ-ċittadin Malti.

Żied jgħid li l-komunità Etjopjana f’Malta li tlaħħaq madwar 700 ruħ, kienet ixxukkjata bl-arrest ta’ ħamsa minnhom, b’ħafna minnhom qed jibżgħu li jarrestaw lilhom ukoll u jkeċċuhom mill-pajjiż li ilhom jgħixu, jintegraw u jaħdmu fih għal kważi 20 sena.

Il-preżentatur Andrew Azzopardi semma kif dawn l-Etjopjani jistgħu jissejħu ‘Etjopjani ta’ Malta’ bl-istess mod kif il-Maltin li marru l-Awstralja kienu jissejħu l-‘Maltin tal-Awstralja’.

Id-Direttur tal-Kumissjoni Migranti semma kif it-tfal tal-Etjopjani qed jaffaċċjaw sitwazzjoni li sħabhom tal-iskola qed jistaqsuhom jekk hux se jintbagħtu l-Etjopja, liema pajjiż dawn it-tfal ma jafux minħabba li twieldu u trabbew f’Malta.

B’mod konkret, Dun Anton staqsa jekk id-detenzjoni jew ir-ripatrijazzjoni ta’ dawn l-Etjopjani hux se jsolvu s-sitwazzjoni tal-pajjiż.

“Ma tgħidx li hawnhekk għandna nofs miljun ruħ li se naqbduhom u nneħħuhom u se nsolvu l-problema l-kbira tat-traffiku, tad-drenaġġ jew tal-elettriku! Le, qed naqbdu ħamsa min-nies, inpoġġuhom ġoċ-ċentru ta’ detenzjoni għas-spejjeż tal-Gvern; minflok għadhom qed jaqilgħu l-flus u jħallsu t-taxxa, dawn qed jieklu minn fuq it-taxxa, biex imbagħad għada pitgħada nqabbduhom ajruplan għall-Etjopja. Minn hemmhekk, ngħidulhom: “Jekk tridu terġgħu tiġu, applikaw,” qal id-Direttur.

Andrew Azzopardi żied li mill-esperjenza ta’ negozjant f’intervista ma’ Newsbook Malta qal li kien diġà pprova jagħmel din l-applikazzjoni, u qatt ma ġiet approvata.

Il-qassis tenna l-mistoqsija “x’qed nippruvaw niggwadanjaw?”

“L-Ewropa qiegħda tixjieħ b’rata fenomenali”

Id-Direttur qal li l-fatt li l-Ewropa, li hija l-pull factor fl-istorja kollha, qiegħda tixjieħ b’rata mgħaġġla u għaldaqstant kemm minħabba li hija sinjura u kemm minħabba li qiegħda tixjieħ b’rata fenomenali, teħtieġ ħafna ħaddiema biex tagħmel ix-xogħol biex ir-rota tibqa’ ddur.

Hu kompla li mhuwiex jimplika li rridu niftħu l-bibien beraħ bl-addoċċ għal min irid jiġi, iżda sejjaħ għall-ħtieġa li jiġu rregolarizzati dawk il-ftit mijiet li għadhom mhumiex u li qed jinvestu fil-pajjiż. Żied li jekk tinħass il-ħtieġa ta’ kontrolli fil-fruntiera, dawn iridu jsiru b’mod ġust u ekwu.

Andrew Azzopardi sfida lil D’Amato bil-fatt li dan li qed jagħmel il-Gvern huwa fil-parametri tal-liġi, bil-qassis iwieġeb li l-kitba tal-liġi mhix neċessarjament ġusta.

“Dawn in-nies żbaljaw darba. Aħna qatt ma żbaljajna? Dawn qatt ma għandhom iċ-ċans li jiġu mifdija? Dawn mhumiex nies li qegħdin ċiċċi beqqi jieklu minn fuq daharna. Dawn huma nies li qed iħaddmu nies oħra, qed iħallsu t-taxxi, qed joħolqu negozju, uħud minnhom huma professjonisti; u issa f’daqqa waħda, għax darba għamlu żball, dan jintesa kollu,” qal Dun Anton.

“Illum qed ngħixu f’Malta kapitalista”

Dun Anton D’Amato stqarr li Malta hija kapitalista, u li qegħdin f’sitwazzjoni li l-kapital tal-pajjiż huwa l-flus. Hu kompla li s-sistema li hija mibnija fuq il-flus u għaldaqstant ma tistax tieqaf fil-proċess għax tikrolla. Żied li proprju minħabba f’hekk li qed jinġiebu bosta ħaddiema minn barra.

“Ħafna drabi l-ħaddiema ma jkunux adegwati għax-xogħol li jispiċċaw jaħdmu,” qal il-qassis. Hu spjega li ħaddiema li jinġiebu minn barra jkunu mwiegħda li se jaħdmu f’settur ta’ xogħol li jkunu mħarrġin fih, u jisfaw iwettqu xogħol ieħor li ma jkunux midħla tiegħu. Hu kompla li dan qed iseħħ biex “ir-rota tkompli ddur u b’mod veloċi ħafna”.

Għaldaqstant, min iħaddem li jimpurtah biss mill-produzzjoni tal-mument, u li dak ix-xogħol isir, mhuwiex qed jinvesti biex iħarreġ lill-ħaddiema tiegħu.

“Issa l-mument li taqla’ lira, imbagħad naraw,” qal D’Amato b’referenza għar-raġunament kapitalista li skontu qed tinvadi l-pajjiż.

Hu kkwota lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li kien qal li fis-snin li ġejjin, il-popolazzjoni se tlaħħaq is-600,000 persuna, u li jekk se nibqgħu għaddejjin b’din ir-rata, se nlaħħqu saħansitra t-800,000 persuna; id-doppju ta’ 10 snin ilu.

L-immigrant għandu vulnerabbiltà doppja

“L-immigrant huwa dak li dejjem ibati minn vulnerabbiltà doppja,” stqarr Dun Anton D’Amato. Dan għaliex minbarra li hu immigrant, għandu wkoll vulnerabbiltajiet oħrajn bħal kwalunkwe persuna oħra.

Hu spjega kif jekk Malti għandu problema ta’ saħħa u waqaf mix-xogħol, ħafna drabi l-Maltin huma sidien ta’ djarhom. Fil-każ ta’ immigrant, jekk ikollu problema ta’ saħħa u jispiċċa mix-xogħol, dan jisfa barra fit-triq għax ma jkollux biex iħallas il-kera.

Għaliex Kummissjoni Migranti?

Andrew Azzopardi staqsa x’inhi r-raġuni wara l-isem tal-kummissjoni li jmexxi Dun Anton D’Amato. Dun Anton spjega li l-isem wara Kummissjoni Migranti ġej mir-realtà ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija meta bosta Maltin ħallew Malta biex marru jibnu futur f’pajjiżi barranin; liema sitwazzjoni baqgħet għal diċenji sħaħ. Mal-aħħar tmeninijiet, bdew jaslu f’Malta l-ewwel immigranti “bid-dgħajjes” fosthom Albaniżi, Iraqqini u oħrajn. Mas-sena 2,000 bdew ġejjin oħrajn mit-Tuneżija u l-Libja.

Għaldaqstant, sabiex l-isem jinkludi ż-żewġ sitwazzjonijiet, ġie magħżul l-isem ta’ Kummissjoni Migranti li jinkorpora kemm l-immigranti kif ukoll l-emigranti.

Sors: Newsbook.com.mt