Tliet Maltin li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-edukaturi rrappreżentaw il-Knisja Maltija waqt laqgħa tal-Kunsill tal Konferenzi tal Isqfijiet Ewropej (CCEE) li saret f’Santiago de Compostela fi Spanja bejn id-19 u t-22 ta’ Settembru.

L-attività bit-tema “Iż-żgħażagħ jifirħu bit-tama: xhieda ta’ Kristu fl-Ewropa tal-lum” laqqgħet diversi membri tal-kummissjoni taż-żgħażagħ fi ħdan is-CCEE, żgħażagħ, edukaturi, rappreżentanti universitarji u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-vokazzjonijiet.

F’isem Malta pparteċipaw Maria Emma Buhagiar li rrappreżentat liż-żagħżagħ, Silvana Cardona li rrappreżentat l-iżvilupp spiritwali fl-iskejjel, u Benjamin Flores Martin, id-Delegat tal-Arċisqof għaż-Żgħażagħ.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kardinal Mario Grech, fejn qasam il-viżjoni tiegħu għas-Sinodu li ġej, filwaqt li Dun Francesco Scalzotto, mid-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, spjega x’inhuma l-pjanijiet tal-Knisja għall-Ġublew.

Il-konferenza serviet bħala opportunità sabiex il-parteċipanti jirriflettu dwar ir-rwol tal-Knisja fl-Ewropa, ispirata mid-dokument Christus Vivit, b’antiċipazzjoni għas-Sinodu dwar is-Sinodalità, kif ukoll bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama fl-2025.

Il-parteċipanti żgħażagħ mill-Ewropa qasmu l-għarfien tagħhom dwar diversi suġġetti, kif ukoll l-esperjenzi tagħhom waqt Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2023 f’Lisbona. Huma enfasizzaw l-impatt profond ta’ dawn il-ġrajjiet fuq il-ħajja spiritwali tagħhom, u x-xewqa li qanqlet fihom li jwasslu l-istess żelu fil-parroċċi u l-komunitajiet lokali tagħhom.

Il-konferenza pprovdiet ukoll opportunità għal dawk involuti fis-settur taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni sabiex jiddiskutu l-aħjar prattiċi u l-futur tal-Knisja maż-żgħażagħ. Il-kontributuri tas-CCEE ppreżentaw studji u riċerka bħala gwida għall-iżvilupp ta’ programmi pastorali effettivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ tal-lum.

Santiago de Compostela ntgħażel bħala l-belt ewlienija għal din il-konferenza għas-sinifikat spiritwali profond tiegħu bħala destinazzjoni rinomata għall-pellegrinaġġi fl-Ewropa. Dan il-post jissimbolizza l-mixja tal-Knisja matul il-Ġublew u jirrifletti l-missjoni tal-pellegrini f’mixja lejn it-tiġdid.