Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Dritt wara l-magħmudija tiegħu fil-Ġordan, “l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu” (Mt 4:1) – hekk jgħid il-Vanġelu ta’ Mattew. L-inizjattiva mhijiex tax-Xitan, imma ta’ Alla. Ġesù jmur fid-deżert biex jagħti widen għal tnebbiħa tal-Ispirtu s-Santu, mhux għax jaqa’ f’xi nasba tal-għadu, le! Ladarba jkun għeleb din il-prova, hu – naqraw – jerġa’ lura l-Galilija “bil-qawwa tal-Ispirtu” (Lq 4:14).

Ġesù, fid-deżert, ħeles mix-Xitanu issa jista’ jeħlisna mix-Xitan. Dan hu li juruna l-Evanġelisti bl-għadd ta’ stejjer ta’ ħelsien minn possessjonijiet. Ġesù lil dawk li jeħduha kontrih jgħidilhom: “Jekk jien qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-Ispirtu ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla” (Mt 12:28).

Illum qed naraw iseħħ fenomenu stramb fejn jidħol ix-Xitan. F’ċertu livell kulturali hemm min iżomm li sempliċiment ma jeżistix. Iqisuh bħala simbolu tal-inkonxju kollettiv, jew tal-aljenazzjoni, insomma, metafora. Imma “l-ikbar ħażen tax-Xitan hu li jġagħalna nemmnu li ma jeżistix”, kif kiteb xi ħadd (Charles Baudelaire). Hu qarrieq: iġagħalna nemmnu li ma jeżistix u hekk jaħkem fuq kollox. Moħħu jilħaqlu. U sadattant id-dinja teknoloġika u sekularizzata tagħna hi mimlija sħaħar, okkultiżmu, spiritiżmu, astrologi, bejjiegħa ta’ sħarijiet u amuleti, u b’xorti ħażina setet sataniċi veri u proprju. Imkeċċi mill-bieb, ix-xitan reġa’ daħal, biex ngħidu hekk, mit-tieqa. Imwarrab mill-fidi, jerġa’ jidħol bis-superstizzjoni. U jekk int superstizzjuż, inkonxjament qed tiddjaloga max-Xitan. Max-Xitan ma tistax tiddjaloga.

L-aqwa prova tal-eżistenza tax-Xitan ma nsibuhiex fil-midinbin jew fl-ippossessati, imma fil-qaddisin! “Kif jista’ jkun, Dun?”. Iva, huwa minnu li x-Xitan hu preżenti u jaħdem f’ċerti forom estremi u “diżumani” ta’ ħażen u ta’ kefrija li naraw madwarna. Imma hawn hu prattikament impossibbli naslu, fil-każi individwali, għaċ-ċertezza li huwa proprju hu, ladarba ma nistgħux nafu bi preċiżjoni fejn tispiċċa l-azzjoni tiegħu u fejn jibda l-ħażen tagħna. Għalhekk il-Knisja hi pjuttost prudenti u rigoruża fit-taħriġ tal-eżorċiżmu, b’differenza minn dak li jiġri, b’xorti ħażina, f’ċerti films!

Huwa fil-ħajja tal-qaddisin, proprju hemm, li x-Xitan ikollu jinkixef, jiġi “għad-dawl”. Min iżjed u min inqas, il-qaddisin kollha, in-nies kollha ta’ fidi kbira, jagħtu xhieda tat-taqbida tagħhom ma’ din ir-realtà mudlama, u onestament ma tistax tissupponi li kienu kollha illużi jew sempliċi vittmi ta’ preġudizzji ta’ żmienhom.

Il-battalja kontra l-ispirtu tal-ħażen tintrebaħ kif rebaħha Ġesù fid-deżert: bid-daqqiet tal-Kelma ta’Alla. Araw kif Ġesù ma jiddjalogax max-Xitan, qatt ma ddjaloga max-Xitan. Jew ikeċċih, jew jikkudannah, imma qatt ma jiddjaloga miegħu. U fid-deżert iwieġeb mhux bil-kelma tiegħu, imma bil-kelma ta’ Alla. Ħuti, qatt tiddjalogaw max-Xitan! Meta jiġi bit-tentazzjonijiet: “Imma tkun ħaġa sabiħa din, u dik il-ħaġa”, ieqaf! Erfa’ qalbek lejn il-Mulej, itlob lill-Madonna u keċċih, kif għallimna nkeċċuh Ġesù. “San Pietru jissuġġerixxi wkoll mezz ieħor, li Ġesù ma kellux bżonnu imma aħna iva, is-sahra: “Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min se jibla’” (1 Piet 5:8). U San Pawl jgħidilna: “Tagħtux il-wisa’ lix-Xitan” (Efes 4:27).

Wara li Kristu, fuq is-salib, rebaħ għal dejjem fuq is-setgħa tal-“prinċep ta’ din id-dinja” (Ġw 12:31), ix-Xitan – qal wieħed Missier tal-Knisja – “hu marbut, bħal kelb mal-katina; ma jista’ jigdem lil ħadd, jekk mhux lil min, bi sfida quddiem il-periklu, jersaq qrib tiegħu… Jista’ jinbaħ, jista’ jħajjar, imma ma jistax jigdem, jekk mhux lil min iridu”.[i] Jekk int baħnan u tmur għand ix-Xitan u tgħidlu: “Aħ, kif int?”, jirvinak. Ix-Xitan? ’Il bogħod! Max-Xitan ma tiddjalogax. Tkeċċih trid. Bogħod. U lkoll kemm aħna, ilkoll, għandna esperjenza ta’ kif ix-Xitan jersaq b’xi tentazzjoni, fuq l-għaxar kmandamenti. Meta aħna nisimgħu dan, ieqaf, żomm bogħod! Tersaqx lejn il-kelb marbut mal-katina.

It-teknoloġija moderna, ngħidu aħna, barra tant riżorsi pożittivi li għandhom jiġu apprezzati, toffri wkoll għadd bla qies ta’ mezzi biex “nagħtu okkażjoni lix-Xitan”, u ħafna jaqgħu. Naħsbu fil-pornografija fuq l-internet, li warajha hemm suq li qed jiffjorixxi ħafna, nafuh kollha dan. Huwa x-Xitan li qed jaħdem, hemm. Dan hu fenomenu pjuttost mifrux, imma li l-Insara għandhom iħarsu ruħhom minnu u għandhom jiċħdu bil-qawwa. Għax kull mobile għandu aċċess għal din il-brutalità, għal dan il-lingwaġġ tax-Xitan: il-pornografija fuq l-internet.

L-għarfien ta’ kif jaħdem ix-Xitan fl-istorja ma għandux jaqtgħalna qalbna. Il-ħsieb finali għandu jkun, anki f’dan il-każ, wieħed ta’ fiduċja u ta’ ċertezza: “Jiena mal-Mulej, itlaq lil hemm”. Kristu rebaħ lix-Xitan u tana l-Ispirtu s-Santu biex ir-rebħa tiegħu nagħmluha tagħna. L-istess azzjoni tal-għadu tista’ ddur favurina, jekk bl-għajnuna ta’ Alla ninqdew biha għall-purifikazzjoni tagħna. Għalhekk ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, bil-kliem tal-innu Veni Creator:

“Bogħod minna żomm ’il-għadu,

lilna fis-sliem henjin,

mexxina int, biex nibqgħu

mid-deni meħlusin.”

Attenti, għax ix-Xitan moħħu jilħaqlu. Imma aħna l-Insara, bil-grazzja ta’ Alla, aħna moħħna jilħqilna iktar minnu. Grazzi.

maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[i] S. Ċesarju ta’ Arles, Diskorsi 121, 6: CC 103, p. 507.