L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kulma hu veru, f’kulma hu xieraq, f’kulma hu ġust, f’kulma hu safi, f’kulma jiġbed l-imħabba, f’kulma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kulma hu virtù, f’kulma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu” (Fil 4:8)

Il-kliem li smajna ta’ San Pawl lill-Filippin jippreżenta sfida qawwija lilna lkoll. Nixtieq nipproponi partikularment dan il-kliem għar-riflessjoni tagħkom fil-bidu tas-Sena Forensi, għax jgħinkom biex tkunu sinjali ta’ tama fis-soċjetà Maltija.

In-negattiv jintrebaħ bil-pożittiv

Dan ta’ San Pawl hu kliem li jħeġġeġ għal dak li hu pożittiv. Jagħmel dan mhux biex jaħrab mir-realtà li kultant tkun verament realtà iebsa, kerha u toħloq tant sofferenza, imma biex jgħinna nkunu aġenti ta’ trasformazzjoni, sinjal ta’ tama għal tant nies – tama dak li hu n-negattiv tal-ħajja jintrebaħ bil-pożittiv.

Aħsbu f’kulma hu veru. F’soċjetà fejn kultant il-gidba hi mifruxa u mħaddma, fejn il-media soċjali spiss ikunu miżgħuda b’aħbarijiet foloz, li intom timxu mal-verità hija għażla iebsa u kultant skomda imma hija l-unika għażla għal min irid jgħix b’mod responsabbli u jagħti kontribut tajjeb lis-soċjetà.

Aħsbu f’kulma hu xieraq. San Pawl kien għadu kif kiteb lill-Filippin fuq dawk li “jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu” (Fil 3:19), u kultant narawha din il-mentalità fejn dak li mhux xieraq hu eżaltat, hu ġġustifikat jew skużat, fejn isir stil ta’ ħajja u jsir istituzzjoni li tindara u tikseb normalità. Hi l-mentalità ta’ “mhux kulħadd hekk qed jagħmel?”, u x’qed jagħmlu ħafna min-nies jiġi l-kriterju ta’ dak li hu aċċettabbli. Imma intom aħsbu f’kulma hu xieraq.

Aħsbu f’kulma hu ġust. Dan jgħinkom biex taħdmu għall-ġustizzja b’mod imparzjali, mingħajr ma tħarsu lejn wiċċ ħadd, mingħajr pressjoni minn ħadd, u biex f’din il-ħidma tkunu ispirati mill-valuri tal-integrità u tal-onestà, li huma valuri neċessarji biex tista’ sseħħ il-ġustizzja vera. Meta taħdmu għal dak li hu ġust, qed taħdmu kontra mentalità li tħaddan kull tip ta’ illegalità u ta’ tnawwir tal-pedamenti tas-soċjetà. Intom aħsbu f’kulma hu ġust.

Aħsbu f’kulma hu safi. Dan jgħinkom biex titbiegħdu minn kull tip ta’ qerq, minn mentalità fejn il-ħażin jitqies bħala neċessarju, fejn il-korruzzjoni u t-tixħim u l-frodi jitqiesu b’mod qarrieqi bħala mezz ta’ għajnuna, ta’ qadi lil min hu fil-bżonn, kważi qishom xi valur li għandek tfaħħru. Imma intom: aħsbu f’kulma hu safi.

Aħsbu f’kulma jiġbed l-imħabba, kulma jistħoqqlu l-ġieħ, kulma hu virtù, kulma ħaqqu t-tifħir. Dawn li jsemmi San Pawl kollha huma riflessjoni ta’ dak li hu Alla, li hu l-għajn tal-imħabba u ta’ kull virtù u jistħoqqlu kull ġieħ u tifħir. Meta nikkonċentraw fuq dawn, u fil-ħidma tagħna nkunu ispirati minn dawn il-valuri, inkunu qed nidħlu f’relazzjoni aktar intima ma’ Alla, l-għajn ta’ kull ġid.

Il-Mulej jagħtikom l-għajnuna

Fil-bidu ta’ din is-Sena Forensi, nixtieq nirringrazzja lilkom imħallfin, maġistrati, u professjonisti legali għal dak kollu li intom tagħmlu b’mod korrett, għaqli u integru.  Il-preżenza tagħkom hawnhekk hi espressjoni ċara tar-rieda tagħkom biex taqdu r-responsabbiltà kbira li għandkom b’mod rett. Il-kontribut tagħkom hu essenzjali għal soċjetà li tħares il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.

L-Evanġelju jurina lil Ġesù li “b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9:51). Kien jaf għal xiex kien dieħel, x’kellu quddiemu, meta telaq lejn Ġerusalemm, imma kellu kuraġġ u rieda sħiħa. Il-Mulej jagħtikom l-għajnuna u l-kuraġġ fil-ħidma tagħkom li kultant titlob sagrifiċċju kbir.

Nixtieq inqiegħed quddiemkom l-eżempju tal-Beatu Rosario Livatino, li fl-età ta’ 38 sena nqatel mill-Mafja fi Sqallija fil-21 ta’ Settembru 1990. Dan hu l-kliem tal-Papa Franġisku fuqu dakinhar li ġie dikjarat beatu tliet snin ilu, u li sejjaħlu “martri tal-ġustizzja u tal-fidi”: “Fis-servizz tiegħu lejn il-komunità, bħala maġistrat ta’ onestà assoluta, li qatt ma ħalla lil min jikkorrompih, għamel ħiltu ħalli ma jiġġudikax biex jikkundanna imma biex jifdi.  Ix-xogħol tiegħu dejjem qiegħdu ‘taħt il-ħarsien ta’ Alla’; u għalhekk hu sar xhud tal-Evanġelju sal-mewt erojka tiegħu.  Jalla l-eżempju tiegħu, speċjalment għall-maġistrati, ikun xprun biex qatt ma jedhew jiddefendu l-legalità u l-libertà.”

Nitlob lill-Mulej biex jagħtikom l-għerf u sens qawwi ta’ ġustizzja, ħalli tħaddmu l-liġi b’mod korrett u taħdmu dejjem b’dedikazzjoni, b’sagrifiċċju, u b’effiċjenza. Il-Mulej ibierek il-ħidma tagħkom u jgħinkom iżżommu kuxjenza ċara u taġixxu b’sens ta’ responsabbiltà, biex tkunu preżenza skomda għal min ma jridx jimxi sewwa u sinjal ta’ tama għal min irid jgħix sewwa.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti