L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29) Din kienet it-tieni domanda li għamel lil Ġesù l-għaref tal-liġi, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa. L-ewwel kien staqsieh x’jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem, u kien hu stess li wieġeb għal dak li qal Ġesù – li int għandek tħobb lill-Mulej Alla “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha u b’moħħok kollu u l-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27). Imma mbagħad għamel din id-domanda lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”
Forsi tinstema’ stramba li tagħmel did-domanda “min hu l-proxxmu?” Imma rridu niftakru li dak iż-żmien ma kinetx daqshekk stramba li tistaqsi min hu l-proxxmu, għax ħafna kienu jifirdu n-nies: dawk li huma magħna u dawk huma kontrina, dawk li huma tar-reliġjon tagħna u dawk li mhumiex tar-reliġjon tagħna, dawk li huma tar-razza tagħna u dawk li mhumiex tar-razza tagħna. Għal ħafna, il-proxxmu ifisser dawk tagħna, ta’ ġewwa, mhux l-oħrajn.
Meta għamel dil-mistoqsija lil Ġesù, hu ma weġibx dil-mistoqsija billi qallu: il-proxxmu dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. Seta’ qallu hekk b’sentenza qasira. Imma qallu storja biex iwassal il-messaġġ b’mod ħafna aktar qawwi. F’dil-parabbola, li aħna nafuha bħala tas-Samaritan it-Tajjeb, hemm tlieta min-nies li jgħaddu minn fejn wieħed li spiċċa qabżu fuqu l-ħallelin, biċċruh bis-swat u ħallewh nofsu mejjet. Għadda l-qassis u għadda l-levita, u hawn l-istess ħaġa fuqhom: “għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer” (Lq 10:31.32). Mela dat-tnejn kellhom x’jagħmlu, kellhom ħafna xogħol, kellhom il-programm tagħhom, għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin. Imbagħad waqaf wieħed Samaritan – u Ġesù jenfasizza li kien Samaritan, jiġifieri lanqas wieħed mill-poplu Lhudi, anzi dawn pjuttost kienu kontra xulxin – li wasal ħdejh. Innutaw b’liema attenzjoni u b’liema mħabba jieqaf dan: rah, tħassru, resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi, imbagħad wasslu wkoll f’lukanda, u qal lil tal-lukanda biex jieħu ħsiebu u li jkun hemm bżonn iħallas hu.
Araw kif Ġesù wieġeb mhux bi tweġiba diretta imma b’din il-parabbola li wriet ċar x’ifisser li int tieqaf ma’ min hu fil-bżonn. Imma li għamel Ġesù, fil-fatt, kien li filwaqt li d-domanda kienet “u l-proxxmu tiegħi min hu?”, Ġesù lil dan l-għaref tal-liġi jgħidlu: mur u kun int proxxmu għal ħaddieħor. Hemm differenza. Jekk tgħid “il-proxxmu tiegħi min hu?”, inti qed tħares lejn in-nies madwarek u tagħżel minnhom, imma li int tagħmel lilek innifsek proxxmu, jiġifieri viċin ta’ min qed ibati, dik hi li Ġesù jixtieq minna lkoll, bħalma qal lil dan l-għaref tal-liġi. Għalhekk il-messaġġ hu ċar: li aħna għandna nfittxu li aħna nkunu proxxmu għall-oħrajn, speċjalment għal dawk li huma f’xi bżonn ta’ għajnuna, kemm dawk li jistaqsu kif ukoll dawk li ma jistaqsux imma tinduna li għandhom bżonn.
Din il-parabbola turina ħafna affarijiet importanti għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, noqogħdu attenti ħafna li ma nkunux indifferenti, bħalma kienu dawk it-tnejn li għaddew u rawh hemm imma baqgħu għaddejjin. Turina li, jekk hemm bżonn, nieqfu minn dak li qed nagħmlu, jew mill-programm tagħna, jew mill-ħafna xogħol li għandna, jekk nindunaw li xi ħadd għandu bżonn. Imbagħad turina wkoll b’liema mħabba u attenzjoni das-Samaritan waqaf ma’ dak li kien nofsu mejjet. Turina li aħna, meta ngħinu, ma ngħinux fuq qalbna, imma ngħinu tassew minn qalbna b’imħabba sħiħa. Bħalma għamel dan li ħadu l-lukanda, kultant ikun hemm bżonn li nirreferu lin-nies għand xi ħadd li jista’ jieħu ħsiebhom aktar, anke li jista’ jagħti kura aktar speċjalizzata. Nagħmlu dan mhux biex naħslu idejna, imma biex il-persuna fil-bżonn tirċievi l-aħjar. Dan hu l-mod kif għandna ngħinu lil min hu fil-bżonn. Min hu fil-bżonn kultant ikun fejnna, jew ngħaddu u nindunaw b’xi ħadd.
It-talb li nixtieq nagħmel hi li aħna jkollna għajnejna dejjem miftuħa għal dawk li huma fil-bżonn, u nagħmlu ħilitna biex nieqfu ma’ dawk li b’xi mod jew ieħor għaddejjin minn tbatija. Hemm talba sabiħa, li ħafna minna nafuha, u li tgħodd ħafna għall-messaġġ li qed jagħti Ġesù llum fl-Evanġelju. Tgħid hekk:
“Mulej, għinni ħalli ma mmurx ngħaddi minn fejn xi ħadd:
b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa,
bil-pass imgħaġġel.
Mulej, għinni ħa nagħti każ mill-ewwel ta’ dawk li jkunu qrib tiegħi.
Għinni nagħraf lil dawk li jkunu mħassbin u mħawdin.
Agħmel li nħoss hekk li nasal biex inserrħilhom qalbhom.
Mulej, eħlisni minni nnifsi,
Biex inkun nista’ nservik, biex inkun nista’ nħobbok,
Biex jirnexxili nisimgħek f’kull wieħed minn ħuti
Li inti tlaqqagħni miegħu.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju