• “L-Isfida tal-Migranti u r-Refuġjati. It-Tweġiba tal-Vanġelu tal-Karità”

    Għeżież aħwa!

    Fil-Bolla tat-tnedija tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena jiena innotajt li “kultant aħna niġu msejħin b’qawwa akbar biex inħarsu b’reqqa lejn il-ħniena ħalli aħna stess insiru sinjal iktar effettiv tal-azzjoni tal-Missier f’ħajjitna”(Misericordiae Vultus, 3). L-imħabba ta’ Alla, infatti, għandha l-ħsieb li tilħaq lil kull persuna u lil kulħadd. Dawk li jilqgħu t-tgħanniqa tal-Missier, huma stess isiru daqstant ieħor tgħanniqiet biex jgħinu lil kulħadd isir jaf li huwa maħbub bħala iben u jħossu “id-dar” fl-unika familja umana. B’dan il-mod, il-kura paterna ta’ Alla hija mifruxa lejn kulħadd, bħalma jagħmel ir-ragħaj man-nagħaġ, imma hija partikolarment sensibbli għall-bżonnijiet tan-nagħġa midruba, għajjiena jew marida. Ġesù Kristu hekk tkellem dwar il-Missier, biex jgħid li Huwa imil lejn il-bniedem mgħawweġ mill-miżerja fiżika jew morali u, iktar ma tkun serja l-kundizzjoni tiegħu, iktar turi ruħha qawwija l-effikaċja tal-ħniena divina.

    Fi żmienna, il-migrazzjoni qed tikber mad-dinja kollha. Ir-refuġjati u nies li jkunu qed jaħarbu minn djarhom huma sfida għall-individwi u l-komunitajiet, u l-modi ta’ għajxien tradizzjonali tagħhom. Kultant huma jikkonfondu l-orizzonti kulturali u soċjali li jiltaqgħu magħhom. Il-vittmi tal-vjolenza u l-faqar li jitilqu minn artijiethom qegħdin jiġu esplojtati dejjem iżjed mit-traffikanti tal-bnedmin fil-vjaġġ tagħhom lejn il-ħolma ta’ ġejjieni aħjar. Jekk jissopravivu l-abbużi u t-tbatijiet tal-vjaġġ, imbagħad, ikunu jridu jħabbtu wiċċhom ma’ realtà mistura ta’ suspetti u biża’. Fl-aħħar, huma spiss jiltaqgħu wkoll ma’ nuqqas ta’ normi ċari u prattiċi li jirregolaw l-aċċettazzjoni tal-migranti u li jipprovdu għal programmi ta’ integrazzjoni fuq żmien qasir u żmien twil li jkunu jirrispettaw id-drittijiet u d-doveri ta’ kulħadd. Illum, aktar mill-imgħoddi, il-Vanġelu tal-ħniena jqanqal il-kuxjenzi tagħna, iżommna milli nqisu t-tbatijiet ta’ oħrajn bħala ħaġa tas-soltu, u jimbuttana lejn modi ta’ kif inwieġbu li, magħġunin fil-virtujiet teoloġiċi tal-fidi, tama u mħabba, isibu espressjoni prattika f’impenji ta’ ħniena spiritwali u korporali.

    Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati 2016, jiena għażilt it-tema: L-Isfida tal-Migranti u r-Refuġjati. It-Tweġiba tal-Vanġelu tal-Ħniena. Il-movimenti tal-migrazzjoni llum huma realtà strutturata. L-ewwel ħaġa li trid issir hija li nieħdu ħsieb il-fażi ta’ emerġenza ta’ bħalissa billi nipprovdu programmi li jindirizzaw dak li jikkaġuna l-migrazzjoni u t-taqlib li ġġorr magħha, inkluż l-effett tagħha fuq in-nisġa tas-soċjetajiet u l-popli. L-istejjer traġiċi ta’ miljuni ta’ rġiel u nisa ta’ kuljum jikkonfrontaw il-komunità internazzjonali kaġun ta’ kriżijiet umanitarji inaċċettabbli f’partijiet differenti tad-dinja. L-indifferenza u s-skiet iwasslu għal kompliċità meta aħna nibqgħu ma nagħmlu xejn waqt li n-nies ikunu qed imutu b’nifishom maqtugħ, bil-ġuħ, bil-vjolenza u bin-nawfraġji. Sew jekk ikunu kbar kif ukoll jekk ikunu żgħar fid-daqs, dawn jibqgħu dejjem traġedji, ukoll meta tintilef ħajja umana waħda.

    Il-migranti huma aħwa li jkunu qed ifittxu ħajja aħjar, ’il bogħod mill-faqar, il-ġuħ, l-esplojtazzjoni u t-tqassim inġust tar-riżorsi tal-pjaneta li qegħdin hemm biex minnhom jieħu sehmu b’mod ekwu kulħadd. Mhux kollna kemm aħna rridu ħajja aħjar, iktar diċenti u ta’ prosperità x’naqsmu mal-maħbubin tagħna?

    F’dan il-mument tal-istorja umana, immarkata minn movimenti kbar ta’ migrazzjoni, l-identità mhix ħaġa sekondarja. Dawk li jemigraw ikollhom jibdlu wħud mill-karatteristiċi l-iktar distintivi tagħhom u, sew jekk jogħġobhom u wkoll jekk le, anke dawk li jilqgħuhom ikollhom jinbidlu. Kif nistgħu nesperjenzaw dawn il-bidliet mhux bħala ostakli għall-iżvilupp ġenwin, iżda bħala opportunitajiet għal tkabbir li jirrispetta u jġib ’il quddiem dawk il-valuri li jagħmluna dejjem iżjed umani u jgħinuna ngħixu relazzjoni bilanċjata ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ħolqien?

    Il-preżenza tal-migranti u r-refuġjati tisfida serjament is-soċjetajiet varji li jilqgħuhom. Dawn is-soċjetajiet isibu quddiemhom sitwazzjonijiet ġodda li jistgħu jnisslu tbatijiet serji jekk ma jiġux motivati, immaniġġjati u regolati b’mod tajjeb. Kif nistgħu niżguraw li l-integrazzjoni ssir esperjenza ta’ għana mutwu, tiftaħ persepettivi pożittivi għall-komunitajiet, u trażżan il-periklu ta’ diskriminazzjoni, razziżmu, nazzjonaliżmu estrem jew xenofobija?

    Ir-rivelazzjoni Biblika tħeġġiġna nilqgħu lill-barrani. Hija tgħidilna li meta nagħmlu hekk, aħna niftħu l-bibien tagħna għal Alla, u fl-uċuħ tal-oħrajn naraw wiċċ Kristu nnifsu. Ħafna istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet, movimenti u gruppi, organizzazzjonijiet djoċesani, nazzjonali u internazzjonali qed jesperjenzaw is-sbuħija u l-ferħ tal-festa tal-inkontru, tal-iskambju u s-solidarjetà. Huma semgħu leħen Ġesù Kristu: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat” (Ap 3.20). Madankollu, id-dibattiti dwar il-kundizzjonijiet u l-limiti li għandu jkun hemm biex jintlaqgħu l-migranti għadhom għaddejjin, mhux biss fil-livell ta’ normi nazzjonali, imma wkoll f’xi wħud mill-komunitajiet parrokkjali li t-trankwillità tradizzjonali tagħhom tkun tidher li hija mhedda.

    Il-Knisja kif tista’ tonqos milli tkun ispirata mill-eżempju u l-kliem ta’ Ġesù Kristu quddiem ħwejjeġ bħal dawn? It-tweġiba tal-Vanġelu hija ħniena.

    L-ewwelnett, il-ħniena hija don ta’ Alla l-Missier li huwa rivelat lilna fl-Iben. Il-ħniena ta’ Alla tqanqal sentimenti ferrieħa ta’ gratitudni għat-tama li tinfetaħ quddiemna fil-misteru tal-fidwa tagħna bid-demm ta’ Kristu. Il-ħniena tmantni u ssaħħaħ is-solidarjetà lejn l-oħrajn bħala tweġiba neċessarja għall-imħabba gratuwita ta’ Alla, li “ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu” (Rum 5:5). Kull wieħed u waħda minna aħna responsabbli lejn il-proxxmu tagħna: aħna rridu nieħdu ħsieb ħutna, jgħixu fejn jgħixu. Il-ħsieb li nħeġġu relazzjonijiet tajbin mal-oħrajn u l-ħila li nirbħu l-preġudizzji u l-biża’ huma ingredenti essenzjali għat-tmexxija ’l quddiem tal-kultura tal-inkontru, li fiha aħna nkunu lesti mhux biss li nagħtu, imma wkoll li nirċievu mill-oħrajn. L-ospitalità, fil-fatt, tikber kemm billi wieħed jagħti kif ukoll billi wieħed jirċievi.

    Minn din il-perspettiva, huwa importanti li nħarsu lejn il-migranti mhux biss fuq il-bażi tal-istatus tagħhom bħala regolari jew irregolari, imma fuq kollox bħala nies li d-dinjità tagħhom trid tiġi protetta u li jistgħu jikkontribwixxu għall-progress u l-ġid ġenerali. Dan iseħħ iktar u iktar meta l-obbligi tagħhom lejn dawk li jilqgħuhom huma jaqduhom b’responsabbiltà, jirrispettaw bi gratitudni il-wirt materjali u spiritwali tal-pajjiż li jilqagħhom, jobdu l-ligijiet u jgħinu fil-ħtiġiet tiegħu. Il-migrazzjonijiet ma jistgħux jitniżżlu sempliċement għall-aspetti politiċi u leġiżlattivi tagħhom, l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom u l-eżistenza konkreta ta’ kulturi varji f’territorju wieħed. Dawn l-aspetti jikkumplimentaw id-difiża u t-tmexxija ’l quddiem tal-persuna umana, il-kultura tal-inkontru, u l-għaqda tal-popli, fejn il-Vanġelu tal-ħniena jispira u jinkuraġġixxi  modi ta’ tiġdid u trasformazzjoni tal-umanità kollha.

    Il-Knisja tinsab spalla ma’ spalla ma’ dawk kollha li jaħdmu biex jiddefendu d-dritt ta’ kull persuna li tgħix bid-dinjità, l-ewwel u qabel kollox billi tħaddem id-dritt li ma temigrax u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pajjiż tal-oriġini tagħha. Dan il-proċess għandu jkun jinkludi, mill-bidunett, il-bżonn li jiġu mgħejjunin il-pajjiżi li minnhom ikunu qed jitilqu l-migranti u r-refuġjati. Dan ikun juri li s-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-interdipendenza internazzjonali u t-tqassim ekwu tal-ġid tad-dinja huma elementi fundamentali biex ikunu jistgħu jseħħu sforzi iktar profondi u inċiżivi, speċjalment f’inħawi fejn ikunu qed jibdew il-movimenti tal-migrazzjoni, biex jitneħħew l-iżbilanċi li jwasslu n-nies, individwalment jew kollettivament, biex jabbandunaw l-ambjent naturali u kulturali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, hu meħtieġ li jkunu mbegħdin, jekk ikun possibbli fl-iktar stadji bikrin taghhom, il-ħarbiet tar-refuġjati u t-tluq tan-nies minħabba l-faqar, il-vjolenza u l-persekuzzjoni.

    Hemm bżonn ukoll li l-opinjoni pubblika tkun informata b’mod korrett, mhux l-inqas biex jiġi evitat milli jixterdu biżgħat u spekulazzjonijiet mhux f’posthom u ta’ ħsara għall-migranti.

    Ħadd ma jista’ jippretendi li jibqa’ indifferenti quddiem il-forom ġodda ta’ skjavitù imposti minn organizzazzjonijiet kriminali li jixtru u jbiegħu rġiel, nisa u tfal bħala ħaddiema forzati fl-oqsma tal-kostruzzjoni, il-biedja, is-sajd u swieq oħrajn. Kemm minuri għadhom jiġu mġiegħlin jiġġieldu f’milizzji bħala tfal suldati! Kemm nies huma vittmi tat-traffikar tal-organi, ta’ qagħdiet li jagħmluhom tallaba forzati, u esplojtazzjoni sesswali! Ir-refuġjati tal-lum qed jaħarbu minn dawn il-krimini koroh, u huma jappellaw lill-Knisja u lill-komunità umana biex jiżguraw li, fl-id maħruġa u miftuħa ta’ dawk li jilqgħuhom, ikunu jistgħu jaraw wiċċ il-Mulej, “Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3).

    Għeżież ħuti, migranti u refuġjati! Fil-qalba tal-Vanġelu tal-ħniena l-inkontru u l-aċċettazzjoni tal-oħrajn huma minsuġin mal-inkontru u l-aċċettazzjoni tal-persuna ta’ Alla. Li tilqa’ lill-oħrajn ifisser li tilqa’ lil Alla nnifsu! Tħallux lilkom infuskom li tiġu misruqin mit-tama u l-ferħ tal-ħajja imwielda mill-esperjenza tagħkom tal-ħniena ta’ Alla, kif tidher fin-nies li intom tiltaqgħu magħhom fil-vjaġġ tagħkom! Jiena nafdakhom f’idejn il-Verġni Marija, Omm il-migranti u r-refuġjati, u f’idejn San Ġużepp, li esperjenzaw il-qrusa tal-emigrazzjoni lejn l-Eġittu. Fl-interċessjoni tagħhom jiena nafda wkoll lil dawk li jinvestu tant enerġija, ħin u riżorsi għall-kura pastorali u soċjali tal-migranti. Minn qalbi nagħti lil kulħadd il-Barka Apostolika.

    Mogħti mill-Vatikan, 12 ta’ Settembru, 2015.

    FRANĠISKU