• Il-Knisja f’Malta kkonkludiet li l-allegat dehriet, l-allegat messaġġi u l-allegat fenomeni mistiċi marbuta mas-Sur Anġelik Caruana u l-għolja ta’ Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa mhumiex ġejjin minn Alla u għalhekk m’għandhomx oriġini sopranaturali.

    L-awtoritajiet Ekkleżjastiċi waslu għal din il-konklużjoni wara stħarriġ dettaljat taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, liema stħarriġ ġie ordnat mill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P.

    Matul dan l-istħarriġ ġew ikkonsultati diversi esperti f’oqsma differenti tax-xjenzi naturali u soċjali, tat-teoloġija spiritwali u Marjana. Ġew ikkunsidrati wkoll il-kriterji u n-normi tas-Santa Sede dwar id-dixxerniment ta’ allegati dehriet, u nstemgħu diversi xhieda, inkluż is-Sur Anġelik Caruana nnifsu.

    Id-deċizjoni tal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi tħabbret permezz ta’ digriet tal-Kurja (kopja inkluża) ffirmat mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, wara li kkonsulta mal-Kulleġġ tal-Konsulturi tiegħu, u wara li ħa l-parir tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech. Id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lis-Sur Anġelik Caruana, kif ukoll lill-Kunsill Presbiterali li jinkludi rappreżentanti tas-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, waqt laqgħa li nżammet dalgħodu.

    L-Arċisqof Charles J. Scicluna jħeġġeġ lill-Komunità Nisranija biex tippromwovi devozzjoni vera lejn l-Ewkaristija, lejn Sidtna Marija u lejn il-Qaddisin, skont it-tagħlim uffiċjali tal-Knisja, u skont it-talb devozzjonali approvat mill-Knisja. Is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-Katekisti u l-Insara kollha qed jiġu ordnati biex ma jippromwovux, bl-ebda mod, l-imsemmija allegati dehriet, l-allegati messaġġi u allegati fenomeni mistiċi oħrajn marbuta ma’ dan il-każ.

    Il-membri tal-pubbliku li jixtiequ xi kjarifika dwar dan il-każ, u dwar id-deċizjoni tal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, jistgħu jikkuntattjaw lil Dun Renè Camilleri, Vigarju Episkopali, waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju, fuq in-numru 25906238.


    Agħfas hawn biex tniżżel id-digriet.

    Agħfas hawn biex taqra diskors ta’ Mons. Charles J. Scicluna waqt Konferenza dwar Id-Dehriet Marjani fid-19 ta’ Mejju 2009.