Adam McCarthy, Assistent Pastorali fiċ-Chaplaincy tal-Università ta’ Malta, ippubblika ktieb ‘Insights in Service’ li fih ġabar esperjenzi ta’ xogħol volontarju, illustrazzjonijiet, u riflessjonijiet qosra. Il-ktieb maqsum fi 30 taqsima u jista’ jintuża għal riflessjoni sempliċi, iżda profondi.

L-istejjer joffru ħarsa lejn il-ħajja ta’ persuni minn diversi oqsma tal-ħajja li jaffaċċjaw l-isfidi tagħhom u jipprovdu riflessjonijiet li jistgħu jiżvolġu mill-esperjenzi li ngħixu ta’ kuljum. Permezz tax-xogħol volontarju tiegħu madwar l-Eġittu, il-Libanu, l-Irlanda, ir-Rumanija, u anki Malta, McCarthy jenfasizza li nistgħu nħarsu lejn id-dinja b’mod iktar profond u awtentiku – lil hinn mill-konfini u l-limitazzjonijiet tal-komunitajiet tagħna.

McCarthy jispjega r-raġunijiet għalfejn kiteb dan il-ktieb: “Min jafni jaf li vera nħobb il-volontarjat. Mort u mexxejt diversi esperjenzi kemm f’Malta u kemm barra minn Malta. Is-sena l-oħra meta kont qiegħed il-Libanu kien hemm xi individwi li saqsewni biex nikteb xi affarijiet li bihom jistgħu jirriflettu fuq il-mumenti li qed ikollhom fuq l-esperjenzi tagħhom. Ktibt xi affarijiet imma rrealizzajt li ma nistax nieqaf hemm.”

Ir-riflessjonijiet jittrattaw diversi suġġetti, bħall-biża’, il-kburija, l-imħabba, u t-tfittxija tal- ferħ. Il-mistoqsijiet marbutin ma’ kull riflessjoni jippermettu lill-qarrej sabiex juża l-esperjenzi tiegħu stess fil-ħajja biex jirrifletti, jitlob u jikber fil-formazzjoni tiegħu.

Għal aktar informazzjoni jew biex tixtri l-ktieb żur https://riflessjoni.com/ jew ibgħat fuq [email protected].