Nhar il‑Ġimgħa, l‑1 ta’ Novembru 2024, fid-9:30am, l‑Arċisqof Charles Scicluna jiċċelebra quddiesa fil‑Festa tal‑Qaddisin Kollha, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Din il‑quddiesa se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta.
L‑għada s‑Sibt, 2 ta’ Novembru, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa b’suffraġju għall‑mejtin kollha fil‑Kappella tax‑Xirka tad‑Duluri fiċ‑Ċimiterju tal‑Addolorata. Din il‑quddiesa se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta.
It‑Tlieta, 5 ta’ Novembru, fis‑6pm, Mons. Arċisqof se jmexxi quddiesa għall‑erwieħ tas‑saċerdoti u r‑reliġjużi li mietu fl‑aħħar tnax‑il xahar. Din il‑quddiesa ssir kull sena fl‑ewwel Tlieta ta’ Novembru biex tonora u tfakkar lil dawn ħutna li ddedikaw ħajjithom għas‑servizz tal‑Mulej u tal‑oħrajn. Fil‑bidu jinqraw l‑ismijiet tas‑saċerdoti, il‑patrijiet u s‑sorijiet li għaddew għall‑ħajja ta’ dejjem minn Novembru li għadda.
L‑Insara huma mħeġġa sabiex f’dawn il-ġranet jattendu għall‑quddies u jitolbu għall-għeżież tagħhom u għall-erwieħ kollha.