Bħala parti mill-programm kulturali tal-oratorji, il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti se torganizza serata tal-mużika, nhar il-Ħamis 7 ta’ Novembru fis-7:30pm fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Is-serata se tinkludi mużika Franċiża tal-flautist Katie Bycroft u l-pjanista Gisèle Grima li se jkunu qed idoqqu x-xogħol tal-kompożituri bħal Ibert, Gaubert, u Godard.

Nhar il-Ħamis 14 ta’ Novembru, fis-7:30pm, Dr Bernard Micżallef, flimkien ma’ studenti mill-Għaqda tal-Malti tal-Università se jesploraw it-teatrin tar-rumanz Malti ta’ Juann Mamo, ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerki’. Bradley Cachia u Kristina Catania se jkunu qed jaqraw u janimaw siltiet mir-rumanz bil-Malti, hekk kif Dr Micallef se jipprovdi kuntest performattiv tar-rumanz.

Fil-festa ta’ Santa Ċeċilja, il-patruna tal-mużiċisti, fit-22 ta’ Novembru fis-7:30pm l-oratorji se jkunu qed jitfgħu dawl fuq il-kontribuzzjonijiet importanti (li ħafna drabi ma jkunux rikonoxxuti biżżejjed) tan-nisa fil-mużika. Il-kompożitriċi Maltija Véronique Vella se tkun qed iddoqq uħud mix-xogħlijiet tagħha, flimkien ma’ Simon Abdilla Joslin (ċello) u Alan Vella (mużika elettronika).

Il-Ħamis 28 ta’ Novembru fis-6:30pm, Dr Theresa Vella mill-Curatorial Studios se tindirizza t-tieni sessjoni pubblika tal-istaġun, din id-darba dwar il-pitturi fi ħdan il-kumpless tal-Knisja tal-Ġiżwiti stess. Din hija opportunità unika sabiex wieħed isir jaf aktar dwar din il-kollezzjoni impressjonanti f’dan l-ispazju.

L-avvenimenti huma kollha bla ħlas iżda kull donazzjoni hija apprezzata.