Il-Kurja tal-Arċisqof irċeviet għat-tieni darba l-Marka ta’ Kwalità tar-Riżorsi Umani, li tirrikonoxxi l-professjonaliżmu u l-prattika tajba tal-funzjoni tar-Riżorsi Umani.
Il-premju ġie ppreżentat lil Dr Rebecca Gatt, Direttur tar-Riżorsi Umani, waqt il-konferenza annwali tal-FHRD. Dr Gatt enfasizzat is-sinifikat ta’ din il-kisba, u qalet: “Il-fatt li t-tim tal-HR reġa’ ġie mogħti l-Marka tal-Kwalità tar-Riżorsi Umani turi l-impenn tal-Knisja għal standards għoljin f’oqsma ewlenin tar-Riżorsi Umani, inklużi l-istrateġija, it-tħaddin tal-ħiliet tal-impjegati, l-involviment, l-iżvilupp tal-karriera, u t-trawwim ta’ relazzjonijiet pożittivi fuq il-post tax-xogħol.”
It-Tim tar-Riżorsi Umani hu ta’ servizz għall-Kurja tal-Arċisqof u t-Tribunali Ekkleżjastiċi kif ukoll jgħin entitajiet oħra tal-Knisja fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
L-FHRD Quality Mark huwa premju prestiġjuż mogħti wara proċess ta’ evalwazzjoni rigoruż, li jirrikonoxxi entitajiet li jipprovdu evidenza ta’ prattiki tar-riżorsi umani ta’ kwalità għolja permezz tal-implimentazzjoni ta’ policies u strateġiji. Din iċ-ċertifikazzjoni sservi wkoll bħala gwida għal titjib kontinwu, li tgħin biex tgħolli l-istatus tal-funzjoni ta’ dan id-dipartiment fi ħdan l-entità, irrispettivament mid-daqs jew is-settur.