L-MSSP Oratory Youths se jospitaw laqgħa oħra mis-serje ta’ laqgħat popolari tagħhom ‘Bible & Beer’ fil-21 ta’ Novembru 2024 f’Vecchia Napoli, is-Salini, fit-8pm. Din il-laqgħa hi mmirata lejn adulti żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-35 sena.

Waqt il-laqgħa se jinħoloq spazju ta’ djalogu miftuħ dwar l-impatt tad-dipendenza u d-drawwiet moderni fuq il-ħajja ta’ kuljum. Is-sessjoni li jmiss se tindirizza kif attivitajiet komuni—bħall-użu eċċessiv tal-midja soċjali, il-binge-watching, u x-xiri online—xi kultant jistgħu jwasslu għal dipendenza serja, li taffetwa s-saħħa mentali, ir-relazzjonijiet, u l-iskop tal-ħajja.

Il-panel ta’ kelliema jinkludi figuri prominenti fil-qasam tat-trattament tad-dipendenza fuq vizzji u s-saħħa mentali f’Malta. It-tabib Gianluca Bezzina jġib miegħu ħafna esperjenza mill-qasam professjonali tiegħu fit-trattament tad-dipendenza u vizzji. Magħruf għall-approċċ tiegħu ta’ kompassjoni u valuri Kristjani b’saħħithom, Bezzina jibbilanċja l-karriera tiegħu bi rwoli fil-komunità tal-Youth Fellowship u bħala raġel miżżewweġ u missier.

Jingħaqad miegħu Anthony Gatt, psikologu b’ħafna esperjenza u d-Direttur ta’ Caritas Malta, li jintegra l-fidi Kristjana tiegħu fil-ħidma tiegħu li tagħti appoġġ lil dawk kollha li qed jagħmlu programm li jwassal għal fejqan mill-vizzji u dipendenza. Gatt, bl-esperienza kemm minn Caritas kif ukoll mill-Aġenzija Sedqa, jara r-rwol tiegħu bħala missjoni biex jagħti lura d-dinjità u t-tama lil dawk li qed jissielet mal-vizzji.

Dun Kevin Schembri, lettur fil-liġi kanonika u prattika pastorali fl-Università ta’ Malta, se jkun parti integrali mill-panel. Dun Schembri hu magħruf għall-istil tiegħu u l-impenn tiegħu għall-ministeru maż-żgħażagħ, spiss imexxri workshops li jħeġġu liż-żgħażagħ jirriflettu fuq il-fidi, il-ġustizzja, u l-impenn fil-komunità.

Il-kelliema se jmexxu l-parteċipanti permezz ta’ diskussjonijiet dwar kif l-imġiba ta’ dipendenza tiżviluppa, li jeżaminaw il-pressjonijiet soċjali, l-isfidi tas-saħħa mentali, u r-rwol tat-twemmin spiritwali biex jingħelbu dawn il-kwistjonijiet. Din il-laqgħa tinkoraġġixxi lill-parteċipanti jaqsmu l-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħhom f’ambjent ta’ appoġġ u tenfasizza kif il-fidi u l-komunità jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jibnu r-reżiljenza u jinnavigaw l-isfidi tas-soċjetà.

Biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ din il-laqgħa hi ssuġġerita donazzjoni ta’ €12 li jinkludu ikel u xorb. Għal aktar dettalji u reġistrazzjoni, żur https://oratorjumssp.org/bb-addictions.

Din il-laqgħa għandha tkun mhux biss esplorazzjoni dwar vizzji, iżda wkoll diskussjoni fil-fond dwar l-iżvilupp personali u kif wieħed jista’ jgħin lilu nnifsu jikber f’ambjent ta’ komunità bbażata fuq il-fidi.