Fid-9 u l-10 ta’ Novembru, Missio Malta, flimkien mal-Mosta Scout Group, qed jorganizzaw sfida ta’ adrenalina, fl-avveniment annwali ta’ Abseiling u Zipline li ser isir fuq il-Pont tal-Mosta. Waqt l-attività li tinsab fit-13-il edizzjoni tagħha, ser jinġabru fondi għall-Missjonijiet Maltin imxerrda madwar pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika, l-Ażja u l-Amerika t’Isfel.

“Fil-passat, grazzi għal din l-attività, u l-impenn tal-voluntiera tal-Mosta Scout Group u Missio stess, wettaqna proġetti ta’ fejda, fejn wassalna l-ilma għand min ma kellux, tajna l-edukazzjoni lil eluf ta’ tfal, u bnejna sptarijiet fejn ma kienx hemm. Il-ħidma tkompli u ma taqta’ qatt,” qal Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjonui u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.

Dawk li huma interessati li jieħdu sehem f’din l-attività huma mistednin jirreġistraw fuq www.mostascouts.org/bookings. L-attivitajiet sportivi kollha li se jseħħu nhar id-9 u l-10 ta’ Novembru se jkunu mmexxija minn persuni kkwalifikati mill-Mosta Scout Group, u se jkunu koperti b’polza tal-assigurazzjoni.

Formuli ta’ kunsens, li huma disponibbli online, kif ukoll f’forma stampata fuq il-post, huma meħtieġa għall-parteċipazzjoni. F’każ ta’ minuri, dawn iridu jimtlew minn qabel.