L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm kuntrast qawwi li Ġesù joħloq illum, fl-Evanġelju skont San Mark, bejn min-naħa l-waħda l-kittieba, li kienu nies influenti fis-soċjetà ta’ żmienu, u min-naħa l-oħra l-armla fqira, li ma kellha ebda influenza fis-soċjetà. Permezz ta’ dan il-kuntrast, Ġesù jrid iwassal messaġġ li hu importanti ħafna għall-ħajja tagħna.

It-Tentazzjoni tal-apparenzi

X’jgħid Ġesù fuq il-kittieba? Jgħid li dawn kienu jidhru minn barra li qed jagħmlu ħafna affarijiet sbieħ u tajbin, bħal meta jdumu jitolbu, iduru mat-toroq. Kienu jagħtu impressjoni ta’ nies tajbin, imma minn ġewwa qalbhom kienet ’il bogħod minn Alla. Id-devozzjoni tagħhom kienet superfiċjali, tal-qoxra ta’ barra biss, “għal wiċċ in-nies” (Mk 12:40), immexxija minn xewqa għar-rikonoxximent u l-poter. L-immaġini pubblika tagħhom ma kinetx taqbel mal-ħajja privata tagħhom, fejn ma kienx hemm integrità; fil-fatt, huma kienu “iberbqu ġid ir-romol” (Mk 12:40)

Ġesù qed jgħid lid-dixxipli, u lilna lkoll, biex noqogħdu attenti minn ħajja li tfittex biss li timpressjona minn barra – il-faċċata ta’ barra. Qisna li nkunu tajbin ifisser li nidhru quddiem in-nies, nidhru quddiem l-oħrajn. Imma Alla jara lilhinn minn dak li jidher u ma jimpressjonax ruħu mill-faċċata ta’ barra. Dan jgħidu Ġesù f’mumenti oħra wkoll tal-ħajja tiegħu, fejn jispjega li anke l-istess affarijiet tajbin, jekk ma jkunux frott ta’ qalb li tħobb lil Alla u lill-oħrajn, jistgħu jkunu biss faċċata li tqarraq.

Hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna għax kultant ikollna din it-tentazzjoni. Fi żmienna wkoll, tista’ tkun aktar komuni, għax ngħixu f’dinja fejn issir ħafna enfasi fuq l-immaġini, dak li tara minn barra, u l-perċezzjoni tan-nies tinbena proprju fuq dak li jidher. Għalhekk hawn min ifittex kontinwament li l-attenzjoni tkun fuq kif qed jarawh l-oħrajn.

Ġesù qed jgħidilna: oqogħdu attenti minn dan. Ma għandniex nagħtu prijorità lill-apparenzi. Xi drabi nistgħu nsibu ruħna nfittxu r-rikonoxximent, infittxu l-approvazzjoni jew l-applaws. Ġesù jfakkarna li dak li jiswa hu li jkollna l-approvazzjoni ta’ Alla, u din mhijiex marbuta ma’ dak li jidher minn barra imma mal-qalb.

Qalb ta’ ġenerożità vera

Ħa nħarsu lejn l-armla. Bil-maqlub tal-kittieba, li “jberbqu ġid ir-romol”, hemm l-armla li poġġiet żewġ muniti żgħar fit-teżor tat-tempju, l-Evanġelju jgħid “xi tliet ħabbiet” (Mk 12:42).

L-offerta tagħha hija żgħira ħafna meta mqabbla mas-somom kbar mogħtija mill-oħrajn. Ma kinetx se tkun ta’ għajnuna kbira għall-manteniment tat-tempju. Imma Ġesù lilha jfaħħar, u jenfasizza li tat “dak kollu li kellha biex tgħix” (Mk 12:44), il-mezzi kollha tagħha. Hawnhekk, mhix il-kwantità li tgħodd imma l-ispirtu li bih jingħata. L-armla, għalkemm fqira finanzjarjament, hija sinjura ta’ qalb ġeneruża u sinjura fil-fidi, toffri dak kollu li għandha lil Alla. Hija tagħti mhux miż-żejjed tagħha, imma minn dak li hu neċessarju, u turi fiduċja profonda fil-providenza ta’ Alla. Bl-offerta tagħha, turi kemm tassew tħobb lil Alla u lit-tempju tiegħu.

L-eżempju ta’ din l-armla jgħallimna kemm hu importanti li dak li nagħmluh nagħmluh b’qalb mimlija mħabba. L-armla turina x’inhi l-ġenerożità vera. Ma tagħtix mill-abbundanza, iżda l-għotja ġenwina tiġi mill-qalb, li kien ifisser għaliha sagrifiċċju kbir.

Tgħallimna wkoll li l-intenzjoni tagħna għandha tkun li dak li nagħmlu nagħmluh għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-oħrajn. Alla mhux biss ma jimpressjonax ruħu mill-faċċata, imma Alla jara l-qalb, u jaqra l-moħħ u l-intenzjonijiet li jkollna. Għalhekk għandna dejjem infittxu f’ħajjitna li jkollna qalb sinċiera quddiem Alla, u l-intenzjonijiet tagħna jkunu tajbin.

Azzjoni żgħira magħmula b’imħabba

Il-Papa Franġisku, ftit ġranet ilu, ħareġ Enċiklika bl-isem Dilexit Nos, li jfisser li Hu ħabbna. F’din l-Enċiklika jitkellem fuq il-qalb ta’ Ġesù, u juri kemm għandna nfittxu li l-qalb tagħna tkun qalb tixbah lil tiegħu. Fl-Enċiklika jsemmi wkoll l-episodju li smajna fl-Evanġelju tal-armla u l-offerta fqira fit-teżor, u jgħid kemm jagħmlilna l-qalb il-fatt li Alla japprezza l-intenzjonijiet u l-azzjonijiet tajbin tagħna, ukoll jekk ma jafhom ħadd u jafhom hu biss (ara Dilexit Nos, 41).

L-offerta tal-armla kienet żgħira ħafna, imma għal Alla kienet kbira. L-armla tfakkarna li mhux biss fejn jidħlu l-għotjiet ta’ flus li nistgħu nagħtu, imma li kull azzjoni tagħna, tkun kemm tkun żgħira jew tidher insinifkanti, jekk magħmula b’imħabba hija għażiża f’għajnejn Alla. Dan jgħodd għall-ħajja tagħna ordinarja, ta’ kuljum: meta ngħid azzjoni żgħira, jista’ jkun messaġġ ta’ inkoraġġiment, jew ġest ta’ appoġġ, jew id ta’ għajnuna fit-tbatija.

Nitolbu lill-Mulej, ispirati mill-kelma tiegħu, biex nevitaw ħajja li tagħti biss importanza lil dak li jidher minn barra, dak li jiġbed l-attenzjoni, dak li jista’ jimpressjona; u nitolbuh biex ikollna qalb tixbah lil tiegħu – qalb mimlija mħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju