L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Afda fil-Mulej u agħmel it-tajjeb” (Salm 37:3). Dan hu li għedna fis-salm illum, u dan hu li nixtieq nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież studenti li qed tiċċelebraw Jum il-Gradwazzjoni tagħkom. Hija din it-talba tiegħi: biex fil-ħajja tagħkom, u fil-professjoni tagħkom, tfittxu li jkollkom fiduċja fil-Mulej, tafdaw fih, u tagħmlu dejjem dak li hu tajjeb.
Qegħdin miġburin flimkien għall-Ewkaristija li hi ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament. Żgur li meta tħarsu lura lejn is-snin tagħkom fl-Università, hemm ħafna ta’ xiex illum tirringrazzjaw lil Alla. Fil-mixja tagħkom tal-istudju, kellkom l-għajnuna ta’ diversi nies biex illum wasaltu għal Jum il-Gradwazzjoni tagħkom. Għenukom dawk qrib tagħkom fejn tgħixu, il-familja tagħkom; għenukom dawk l-edukaturi u l-membri tal-istaff tal-Università li kienu ta’ appoġġ fl-istudji tagħkom, kif ukoll nies oħra ħbieb tagħkom, biex issa tistgħu taħsdu l-frott tal-istudji tagħkom.
M’hemmx prezz
Nistedinkom biex nirriflettu flimkien fuq il-kliem ta’ Ġesù fl-għeluq tal-Evanġelju tal-lum meta jgħid lid-dixxipli tiegħu x’għandha tkun l-attitudni tagħhom: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn, għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10).
Jgħid: “Ma niswew għal xejn”. Tinstema’ stramba ħafna din. Xi tfisser? Dil-kelma ta’ Ġesù ma tfissirx li l-ħajja tagħna bla valur, ma tiswiex. Anzi, hu dejjem jagħmilha ċara li kull bniedem hu prezzjuż, il-ħajja tagħna tiswa ħafna għax aħna maħluqa xbieha tiegħu. Ġesù kien għamilha ċara din meta qal li Alla ma jinsiex lanqas għasfur tal-bejt, imbagħad iżid: “Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew” (Lq 12:7). Nixtieq inħeġġiġkom biex dejjem tagħrfu l-valur tal-ħajja tagħkom u tal-oħrajn, il-ħajja umana li għandna ngħożżuha mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.
Ħudu llum dan l-impenn li tegħlbu l-kilba għall-flus, ir-regħba organizzata; it-tentazzjoni tal-korruzzjoni; il-mewġa li teqred l-ambjent, il-ħolqien ta’ Alla, u tkerrah lil pajjiżna – dak il-ħażin li fl-aħħar mill-aħħar fil-fond ta’ qalbna jġegħilna ngħidu: “għamilna dak li ma kellniex nagħmlu”.
Hawnhekk, f’dan l-Evanġelju, il-kelma “ma niswew għal xejn” tfisser li hu bil-qawwa ta’ Alla li aħna neżistu, u s-siwi tagħna tahulna hu, mhux ħloqnieh aħna. M’aħniex aħna li nagħtu prezz lill-ħajja tal-bniedem, b’mod li niddistingwu liema ħajja għandha valur u liema m’għandhiex. Huwa hu li jagħti l-akbar valur lil kull ħajja umana. Mhuwiex aħna li nżidu xi ħaġa mal-glorja u t-tjieba tiegħu.
Għalhekk dil-frażi hi espressjoni ta’ umiltà, li aħna maħluqin biex naqdu, inħobbu u nagħtu servizz xieraq. Hemm insibu tassew il-milja f’ħajjitna. Inħeġġiġkom biex tħarsu lejn il-professjoni tagħkom mhux bħala mezz kif titkabbru fuq l-oħrajn u tħossukom superjuri, kif toħolqu nies qaddejja madwarkom li jservu ta’ staffa għalikom, imma bħala servizz li tagħtu b’ħafna rispett u dinjità, b’ħafna mħabba kif jgħallimna Ġesù. Hu dan is-sens ta’ servizz li jagħmel id-differenza kollha fil-ħidma tagħkom, imma hu dan li jagħti s-sens lil ħajjitkom, u jġib ħafna paċi.
Dmirna b’responsabbiltà
Ġesù jkompli jfisser kif għandha tkun l-attitudni tagħna: “għamilna dak li kellna nagħmlu”. Jiġifieri qdejna dmirna, għamilna dak li kien fir-responsabbiltà tagħna li nagħmlu.
Intom u taqdu fil-professjoni tagħkom, nawguralkom li jkollkom dejjem dan is-sens ta’ responsabbiltà fil-ħidma tagħkom, li jgħinkom biex tfittxu dak li hu veru, dak li hu ġust, dak li hu xieraq, u tagħmluh. Ħudu llum dan l-impenn li tegħlbu l-kilba għall-flus, ir-regħba organizzata; it-tentazzjoni tal-korruzzjoni; il-mewġa li teqred l-ambjent, il-ħolqien ta’ Alla, u tkerrah lil pajjiżna – dak il-ħażin li fl-aħħar mill-aħħar fil-fond ta’ qalbna jġegħilna ngħidu: “għamilna dak li ma kellniex nagħmlu”.
Qegħdin ngħixu f’soċjetà li għandha għatx kbir għal persuni ta’ onestà, ta’ integrità, ta’ rispett lejn il-legalità, ta’ valuri etiċi – persuni li ma jinxtrawx u ma jfittxux li jiggwadanjaw huma minn fuq dahar ħaddieħor; persuni li ma jfittxux akkost ta’ kollox l-interessi tagħhom u ta’ sħabhom, persuni ta’ fibra morali li lesti jbatu għax ma jċedux għall-pressjoni ta’ min irid jużahom għal skopijiet ħżiena, li ma jobdux ordnijiet li huma abbużivi.
Ftakru dejjem li l-ħażin ma jsirx tajjeb għax ħafna jagħmluh, jew għax ħafna jagħżluh. L-iskandli ma jsirux normali u aċċettabbli għax ikunu l-ħobża ta’ kuljum. Nitlob lill-Mulej jagħtikom din il-qawwa fl-għażliet tal-ħajja tagħkom, biex fil-kuxjenza tagħkom tkunu tistgħu tgħidu: “Għamilna dak li kellna nagħmlu”. Huma l-għażliet mibnijiet fuq valuri sodi li jgħinukom biex ma tkunux passivi, imma tkunu strumenti ta’ trasformazzjoni pożittiva fis-soċjetà Maltija llum.
Kif smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lil Titu, Ġesù Kristu “jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb” (Titu 2:14).
Awguri mill-qalb
“Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb.” Għeżież studenti, awguri mill-qalb għall-ħajja futura tagħkom u għall-professjoni tagħkom. Ninkoraġġikom biex ma taqtgħux qalbkom intom u tfittxu x-xogħol li jkun l-aktar adattat għalikom jew tkomplu l-istudji tagħkom. Nitlob għalikom biex ikollkom din il-fiduċja f’Alla li jakkumpanjakom dejjem, u biex tagħmlu t-tajjeb b’konvinzjoni li tkunu qed tagħtu l-aħjar kontribut possibbli għal soċjetà Maltija aħjar. Il-Mulej iberikkom u jħariskom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju