L‑Arċisqof Charles Scicluna waqqaf Vigarjat Episkopali ġdid għall‑Kordinament Pastorali, bil-għan li jiġu implimentati l‑viżjoni u l‑prijoritajiet tal‑Knisja f’Malta.
Dun Andrè Zaffarese, li għandu 41 sena, ingħata din il‑kariga fid‑dawl tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet li ntemm f’Ottubru li għadda, fejn il‑Papa Franġisku enfasizza fuq l‑importanza tas‑sinodalità fil‑ħajja u l‑missjoni tal‑Knisja.
Il‑Vigarjat se jkun responsabbli biex jgħin lill‑Isqfijiet fil‑kordinament tal‑ħajja u l‑ħidma pastorali fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, b’ħidma kontinwa mal‑vigarji u d‑delegati l‑oħra tal‑Arċisqof li jieħdu ħsieb id‑diversi ħidmiet u ħtiġijiet tal‑Knisja.
Fost l‑oħrajn, il‑Vigarjat hu responsabbli wkoll jara li l‑entitajiet, il‑kummissjonijiet u l‑gruppi tal‑Knisja qed jaħdmu flimkien sabiex jiġġeddu ħalli l‑ħidma pastorali tal‑Knisja f’Malta tibqa’ relevanti u sostenibbli fil‑snin li ġejjin għall‑ġid tas‑soċjetà.
Dun Andrè rċieva l‑formazzjoni saċerdotali tiegħu fis‑Seminarju tal‑Arċisqof tal‑Virtù kif ukoll fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, fejn kiseb Dottorat fit‑Teoloġija Pastorali.
Huwa ġie ordnat saċerdot fit‑3 ta’ Lulju 2009. Fil‑preżent, Dun Andrè qed jaqdi l‑ministeru pastorali tiegħu f’diversi oqsma, fosthom bħala Delegat tal‑Arċisqof għall‑Ħajja u l‑Ħidma fil‑Parroċċi, Direttur tal‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali u Rettur taż‑Żona Pastorali f’Ta’ Mlit fil‑Mosta.