Ġiet organizzata l-Assemblea Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), fejn kien hemm ‘l fuq minn 150 persuna li pparteċipaw f’din l-attività li saret fl-Oratorju tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija fl-Imġarr.

Din l-attività seħħet is-Sibt 16 ta’ Novembru, fejn il-membri, il-voluntiera u l-ħaddiema attendew quddiesa u kellhom diskussjoni.

Il-quddiesa kienet ikkonċelebrata minn Dun Frans Abdilla, Fr Reuben Gauci, Fr Martin Micallef, Fr Sean Abela u Fr Paul Chetcuti u d-diskussjoni li saret wara pparteċipaw fiha Dr Nadia Delicata u Fr Reuben Gauci, u tmexxiet minn Andreas Muscat, membru taż-ŻAK Imġarr.

Id-diskussjoni iffokat fuq it-tema tas-sena “Reġgħu Lura Ferħana” u kif il-membri tal-AKM, jistgħu jkunu pellegrini ta’ tama. Fost l-affarijiet li ġew diskussi kien hemm l-importanza tal-irwol tagħhom li jagħtu nifs ta’ ħajja lil kull min jiltaqgħu miegħu, għax kif insibu fl-Evangelii Gaudium, il-ferħ tal-Evanġelju jimla l-qalb u l-ħajja ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Waqt id-diskussjoni, tkellmu dwar kif il-ferħ iħossuh għax jafu li jistgħu jmorru lura għand il-Mulej, u hu ser jilqagħhom b’imħabba “anke fil-missjoni afdata lilhom”.

Ingħatat importanza wkoll dwar il-fatt li ma rridux naħsbu f’affarijiet straordinarji. Infatti, kemm Dr Delicata, kif ukoll Fr Reuben, saħqu fuq kif it-tama, u għalhekk anke l-ferħ, jiġu mir-relazzjoni tagħna u l-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu.

Wara d-diskussjoni, kien hemm l-opportunità li l-membri jaħsbu u jirriflettu xi jfisser għalihom li Alla qiegħed magħhom, jgħaddu minn xiex jgħaddu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Hawnhekk, diversi parteċipanti rrakkuntaw affarijiet “normali” tal-ħajja tal-gruppi tal-AKM u anke affarijiet li bħala membri tal-Azzjoni Kattolika jagħmlu f’diversi ambjenti, bħall-iskola, fil-post tax-xogħol, fil-familja, fil-parroċċa u f’kull post ieħor li jkunu.

Dan waqt li kien hemm ammont ta’ persuni li taw l-esperjenza tagħhom fejn huma ukoll kienu sinjal ta’ tama.

Fosthom il-mexxejja fiż-ŻAK li rrakkontaw kif imorru jżuru ċentri oħra u jgħinu fejn jistgħu, kien hemm koppja żagħżugħa mill-AK li qed tipprepara għaż-żwieġ Sagramentali, omm u iben, membri tal-AKM li qed jieħdu inizzjattiva li jġibu bidla fejn għandu x’jaqsam l-ambjent naturali, persuna membru tal-AK li taħdem fid-djakonija tal-parroċċa, u membri adulti li għandhom l-irwol ta’ visitor fil-Fergħa Adulti.

L-Assemblea Ġenerali intemmet bid-diskors tal-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija, Marija Cachia.

Sors: Newsbook Malta