Mill-kotba tal-ajruplani tal-gwerra għal ktieb li lil Dun John Curmi għarraflu s-sejħa għas-saċerdozju. Sejħa li dawritu mal-erbat irjieħ tad-dinja imma li, fuq kollox, ħeġġitu jgħarrex ix-xewqa għal Alla f’qalbu. Fost id-diversi espressjonijiet ta’ servizz, riċentament Fr John reġa’ skopra l-ktieb bħala mezz biex minnu jwassal lil Kristu għand it-tfal u l-familji.
Għaliex iva?! huwa serje ta’ podcasts ma’ saċerdoti differenti fejn jirrakkuntaw l-istorja tal-vokazzjoni tagħhom u għaliex jaħsbu li hu worth it li tkun qassis fid-dinja tal-lum.
L-għan tal-podcast huwa li bl-esperjenzi ta’ kif skoprew is-sejħa tagħhom u l-isfidi u l-opportunitajiet li jiltaqgħu magħhom, is-saċerdoti jgħinu lil ħaddieħor jara s-sbuħija tas-sejħa ta’ Alla.
Dawn it-taħdidiet huma wkoll sinjal ta’ tama għal dawk li għadhom qed jaħsbu jgħidux ‘iva’ lil Alla, kif ukoll għal dawk li diġà huma saċerdoti, kemm żgħar kif ukoll kbar fl-età.
Għaliex iva?! hu proġett taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju f’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta.