Fi żmien il‑Milied l‑Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi għadd ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Dawn jibdew f’lejlet il‑Milied u huma miftuħin għall‑pubbliku.
It‑Tlieta, 24 ta’ Diċembru, Monsinjur Arċisqof imexxi l‑ewwel għasar tal‑Milied u wara jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Vġili f’lejlet il‑Milied, fil‑5:15pm fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.
Wara, fil‑11:15pm, jibda l‑Uffiċċju tal‑Qari u kant ta’ għanjiet tal‑Milied, u ssir l‑prietka tat‑tifel fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina. F’nofsillejl, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Din tixxandar mill-11:30pm fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.
L‑Erbgħa, 25 ta’ Diċembru, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra l‑quddiesa fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu f’Jum il‑Milied fid‑9:30am, fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.
It‑Tlieta, 31 ta’ Diċembru, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa ta’ radd il‑ħajr lil Alla fi tmiem is‑sena u fi tmiem il‑quddiesa jitkanta t‑Te Deum u tingħata l‑Barka Sagramentali. Din se ssir fis‑5:45pm, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.
L‑Erbgħa, l‑1 ta’ Jannar 2025, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑Solennità ta’ Marija Omm Alla u fil‑Jum Dinji tal‑Paċi fid‑9:30am, fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.
ll‑Ħadd 5 ta’ Jannar 2025, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa tal‑Epifanija tal‑Mulej fid‑9:30am fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.