Il-kappillan tal-Forzi Armati ta’ Malta Dun Joe Meli tkellem dwar l-irwol tiegħu bħala qaddej reliġjuż fost is-suldati Maltin u kif din is-sejħa tirrekjedih li jgħix il-ħajja ta’ kuljum magħhom.

Dun Meli flimkien mal-kappillan tal-armata Dun Sergio Fenech kienu qed jitkellmu waqt il-programm Għal Kulħadd ma’ Christine Delicata fuq RTK103. Dun Meli ilu kappillan għal dawn l-aħħar 15-il sena filwaqt li Dun Fenech ilu kappillan minn April li għadda.

L-istorja militari ta’ Malta u s-suldati tagħha hija waħda twila u Dun Meli qal li s-suldati dejjem kienu akkumpanjati minn saċerdoti differenti. Qal li bħala parti mill-Konċilju Vatikan it-Tieni, ġe enfasizzat l-irwol ta’ “ħaddiema saċerdoti” li jkunu eqreb mal-ħaddiema li jagħmlu xogħol manwali.

Hu rrakkonta, infatti, kif kien għamel tliet xhur jaħdem fit-tarzna, xi ħaġa li ddeskriva bħala esperjenza importanti għalih.

Bħala l-kappillan tal-armata, Dun Meli qal li dan huwa rwol li fih ħafna aspetti u li “int tkun qed taqsam il-ħajja magħhom, mhux maġenbhom imma parti minnhom”.

“Il-fatt li tkun daqshekk viċin tagħhom u tkun parteċipi f’ħajjithom, meta jagħmlu sigħat twal jaħdmu, dan xogħol li mhux dejjem jidher”, kompla jgħid Dun Meli.

Hu spjega li l-armata Maltija għandha parroċċa u mhux djoċesi peress li l-armata Maltija hija waħda żgħira. Madanakollu, hu rrimarka li minkejja waħda għammed 16-il tarbija u hemm min anke żżewweġ fil-kappella tal-armata fil-barracks f’Ħal Luqa.

Dun Meli għamilha ċara li minkejja ċ-ċokon tal-armata Maltija, is-suldati Maltin jgħaddu minn ħafna taħriġ għaliex “mhumiex biss merċenarji”. Hu tkellem dwar is-sens ta’ komunità li teżisti fost dawn is-suldati u r-rekluti.

Qal li jista’ jkun hemm lajċi li jservu bħala kappillani f’pajjiżi jew żoni fejn hemm nuqqas ta’ saċerdoti. Filwaqt li dawn ma jistgħux jiċċelebraw quddiesa, jistgħu jagħmlu xogħol reliġjuż bżonjuż mas-suldati.

Jilbsu l-uniformijiet tal-armata minkejja li huma saċerdoti

Fr Sergio Fenech, il-kappillan tal-armata, spjega kif minkejja li hu u Dun Meli huma saċerdoti fl-aħħar mill-aħħar, xorta jilbsu l-uniformi tal-armata sabiex jintegraw aktar mal-bqija tas-suldati u jidħlu fis-sens ta’ komunità.

Bħala officer cadet, Fr Fenech spjega li kull ranking għandha uniformi differenti. Bħalissa, hu jinsab fil-fażi li jagħmel it-taħriġ mal-bqija tar-rekluti fl-armata u anke sejjer jagħmel kors apposta fl-Istati Uniti f’South Carolina għall-kappillani militari.

Hu qal li ma jagħmilx it-taħriġ kollu li jagħmlu l-bqija tas-suldati Maltin, bħal dak tal-infanterija, iżda minflok jagħmel taħriġ fiżiku u mediku.

“Minkejja li saċerdoti, ngħaddu l-ħajja ta’ kuljum mal-bqija tar-rekluti”, irrimarka Dun Fenech li ammetta li ma ħaseb li kien se jservi fl-armata meta kien iżgħar iżda jgħożż din l-esperjenza.

Sors: Newsbook Malta