L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Appostlu Missierna San Pawl jiġbor il-festa tal-lum f’dawn l-espressjonijiet li smajna mit-tieni qari fl-ittra tiegħu lil Titu.
“Dehret il-grazzja ta’ Alla” (Titu 2:11); u jerġa’ jirrepeti espressjoni oħra li tixbahha wkoll: “Feġġet it-tjieba ta’ Alla” (Titu 3:4). Ejjew nifhmu li meta San Pawl qed jitkellem fuq il-grazzja ta’ Alla u t-tjieba ta’ Alla; u jgħidilna li din il-grazzja u din it-tjieba, dehret u feġġet – qed jitkellem fuq Ġesù, qed jitkellem fuq persuna.
Dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, magħruf bħala l-iben ta’ Marija u ta’ Ġużeppi, adult ta’ madwar 30 sena, jitlaq ir-raħal tiegħu ta’ Nazaret, u jibda missjoni speċjali. Missjoni li ma damitx ħafna, damet tliet snin biss. Nafu għaliex l-Evanġelju ta’ San Ġwann, jitkellem fuq tliet festi tal-Għid, allura tliet snin. Minn dan il-mument tal-magħmudija, fil-Ġordan, il-festa li qed nagħmlu llum, sas-salib fuq il-Golgota u l-qawmient tiegħu –tliet snin.
Illum qegħdin niċċelebraw il-bidu ta’ dan il-mument fil-ħajja ta’ Ġesù, u qegħdin nifhmu, li fil-persuna ta’ dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, jitlaq lil ommu armla, u jibda l-missjoni li jrid minnu l-Missier tiegħu tas-sema; qed tidher għal kull wieħed u kull waħda minna, l-imħabba ta’ Alla, il-ħniena tiegħu, il-mogħdrija ta’ Alla, is-simpatija ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna.
M’Alla, ma għandekx għalfejn ikollok pitazz, qisu ktieb tar-raxin, fejn timla t-tikketti miegħu. Afda fih!
Għax dawn kollha – imħabba, ħniena, mogħdrija, simpatija – huma l-mod forsi modern ta’ kif aħna nifhmu l-kelma ‘grazzja’ u l-kelma ‘tjieba’. Aħna fuq xulxin ngħidu: kemm għandha qalbha tajba; kemm hu ta’ qalb tajba; u meta wieħed iħobb lil xi ħadd, ngħidu: ħa grazzja magħha, jew ħadet grazzja miegħu. U b’xi mod, il-grazzja ta’ Alla, hu wkoll il-mument meta aħna nirrealizzaw li Alla ħa grazzja bina. U li l-kelma li jgħid fuq ibnu, fil-Ġordan, tgħodd għalina wkoll, għalija u għalik. “Inti Ibni l-għażiż, fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Lq 3:22).
Id-domanda li nagħmlu lilna nfusna llum fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej hi jekk Alla ta’ ħniena u ta’ verità, meta jara lilna, jistax jgħid ukoll: ‘fik sibt l-għaxqa tiegħi’. Tgħiduli: aħna ma jistħoqqilniex. U veru!
San Pawl stess jgħidilna: “Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar” (Ef 2:8-9). Mela toqgħodx tinkwieta, li qisek għandek xi kont ma’ Alla, u trid tagħmel ħafna very goods. Jiena ġej minn ġenerazzjoni fejn l-għalliema kienet tagħmlilna stilla fuq il-homework. Imma m’Alla, ma għandekx għalfejn ikollok pitazz, qisu ktieb tar-raxin, fejn timla t-tikketti miegħu. Afda fih! Itolbu bħalma s-saċerdot jitlob f’kull quddiesa qabel jitqarben, il-grazzja li ma tinfiridx minnu ‘u tħallini qatt ninfired minnek’. Li nħallik tgħinni, u tħenn għalija.
Aħna u niċċelebraw din is-sena ta’ grazzja, li hi l-Ġublew 2025, il-Knisja tagħmel dawn il-mumenti, biex almenu f’kull ġenerazzjoni jkun hemm sena speċjali, fejn prattikament ma’ kull nifs li nieħdu, inkunu nistgħu neħilsu mit-tpattija kollha tad-dnubietna. U nidħlu f’ritmu sabiħ li nfittxu s-sagrament tal-qrar li hi t-tieni magħmudija u nitqarbnu u nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù.
U allura, aħna u niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej, din is-solidarjetà tiegħu magħna bħala bnedmin, għax ejjew nifhmu x’għamel Ġesù meta daħal fil-kju ta’ dawk in-nies li qed jistennew li jirċievu l-magħmudija tal-indiema minn Ġwanni; u hu sottometta ruħu għal dan ir-ritwal.
Ġwanni stess qal: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma” (Lq 3:16); qed nagħmel ritwal, ċerimonja; imma l-veru ħasil mid-dnubiet, jagħtihulkom “xi ħadd li ġej u aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu” (Lq 3:16). U dan li ġie wara Ġwanni, mingħajr diskors, u mingħajr ħafna ċerimonji, jidħol fil-kju, u jitgħammed. Jinżel magħna fl-abbiss tad-dnubiet tagħna, u aħna miegħu nitilgħu biex inħarsu lejn Alla li jħobbna, u niltaqgħu miegħu. Għax dan hu l-moviment tal-magħmudija: il-Mulej jinżel fil-Ġordan, u jerġa’ jitla’. Jinżel biex isibna fejn qegħdin, fil-fondoq, u jtellgħana miegħu.
Dan li qed niċċelebraw illum, Hu li ma kellux dnub, Hu li ma kellux bżonn jitlob maħfra għal dnubietu, imma jissieħeb magħna biex jerfgħana; jajħina, jagħtina l-ħajja.
Aħna u nilqgħu din il-grazzja, ejjew nidħlu fi spirtu ta’ umiltà profonda, li biha l-Mulej ma stmerrx jissejjaħ u jkun wieħed minna: Bin il-bniedem. Meta għażel titlu, Ġesù kien jirreferi għalih innifsu bħala: Bin il-bniedem mhux Bin Alla – biex lilna jagħmilna wlied Alla. Ejjew nifhmu din il-grazzja kbira u niċċelebrawha llum: ġeddidna l-magħmudija tagħna bir-rit tat-traxxix tal-ilma mbierek. U nitolbu wkoll li din is-sena tkun għalina tassew sena ta’ grazzja, li nsibu lil Alla fil-proxxmu, u nogħxew bil-ħniena tiegħu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 40:1-5,9-11
Salm: 103 (104):1b-2,3-4,24-25,27-28,29-30
Qari II: Titu 2:11-14; 3:4-7
L-Evanġelju: Lq 3:15-16,21-22