L-awtobijografija tal-Papa Franġisku għadha kif ġiet ippubblikata u se tkun disponibbli biex tinxtara minn 80 pajjiż differenti.
Il-kitba tal-awtobijografija saret mill-Papa stess li kien assist mill-kittieb Taljan Carlo Musso u ġew inklużi memorji li kellu l-Papa, kif ukoll bosta aneddoti, ritratti u diskorsi oħra.
Random House, id-ditta li qed tippubblika l-awtobijografija fir-Renju Unit, qalet li l-ktieb kien se jiġi ppubblikat wara l-mewt tal-Papa iżda minħabba li din is-sena nzertat is-Sena tal-Ġublew tat-Tama, ittieħdet deċiżjoni li jiġi ppubblikat din is-sena minflok.
Bosta ritratti se jkunu qed jidhru għall-ewwel darba lill-pubbliku fuq deċiżjoni tal-Papa stess li ilu sitt snin jaħdem fuq l-awtobijografija tiegħu. Matulha, il-Papa tkellem dwar l-għeruq Taljani tiegħu u kif l-antenati tiegħu immigraw mill-Italja għall-Arġentina.
Wara, il-Papa tkellem dwar tfulitu, dak li kien jippreokkupah meta kien għadu żagħżugħ, il-vokazzjoni tiegħu u t-terminu tiegħu bħala Papa u l-ħafna suġġetti li ttratta tul dawn l-aħħar snin.
Random House qalet li l-awtobijografija hija interessanti ħafna u għandha ton uman li tippreżenta “l-istorja ta’ ħajja”.
Sors: Newsbook Malta