‘L-Ewwel Bibbja Tiegħi,” li ġiet ippubblikata reċentament, qed tiġi mħeġġa tintuża bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Kelma ta’ Alla u l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara sabiex tintroduċi lit-tfal il-valuri sbieħ tal-Bibbja.

Ippubblikata mill-Fondazzjoni Biblika Maltija, l-adattament għall-Malti tal-‘Beginner’s Bible’ jinkludi stejjer miktuba b’attenzjoni għall-qarrejja ż-żgħar. Il-‘Beginner’s Bible’ hi pubblikazzjoni klassika li mill-1989 sal-lum inbiegħet aktar minn 25 miljun kopja f’lingwi differenti. L-edizzjoni aġġornata bil-Malti tinkludi test modernizzat u tpinġijiet uniċi, li jagħtu xeħta kontemporanja lil dawn l-istejjer dejjiema.

‘L-Ewwel Bibbja Tiegħi’ tinsab għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba ewlenin madwar Malta u Għawdex, kif ukoll online fuq bibbja.mt.

Il-Fondazzjoni Biblika Maltija, li twaqqfet fl-2021, ippubblikat din l-edizzjoni bħala parti mill-mandat tagħha afdat mill-Konferenza Episkopali Maltija sabiex tkompli l-ħidma fejjieda li l-Għaqda Biblika Maltija wettqet sa mill-1958, sabiex  l-għarfien u l-istudju tal-Bibbja jkompli jixxerred fil-Gżejjer Maltin.

Sabiex tindirizza l-ħtiġijiet pastorali tal-lum, il-Fondazzjoni Biblika Maltija hi membru attiv tal-Catholic Biblical Federation u l-United Bible Societies (UBS), żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali importanti li jippromwovu t-tqassim tal-Bibbja madwar id-dinja. Il-Fondazzjoni Biblika Maltija hi wkoll responsabbli mill-aġġornament kontinwu tat-traduzzjoni Maltija tal-Bibbja mit-testi oriġinali miktuba bil-Grieg u l-Ebrajk. Il-Fondazzjoni tiżgura li t-traduzzjoni tinżamm aġġornata u bbażata fuq l-aħħar studju u tagħlim tal-Knisja kif ukoll skont l-evoluzzjoni tal-lingwa Maltija.

Min jixtieq Bibbja b’lingwa differenti, jista’ jagħmel kuntatt mal-Fondazzjoni Biblika Maltija permezz ta’ email fuq [email protected].

Għal aktar informazzjoni żur bibbja.mt.