Il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat qed jiċċelebra 60 sena mit-twaqqif tiegħu fit-3 ta’ Ottubru 1964.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, l-Arċisqof Charles Scicluna żar l-iskola, fejn iċċelebra quddiesa, wieġeb il-mistoqsijiet tal-istudenti u pparteċipa fi djalogu mal-istaff. B’riflessjoni fuq is-silta tal-konverżjoni ta’ San Pawl, l-Arċisqof enfasizza kif il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù tittrasformana għaliex permezz tad-dawl tiegħu, nagħrfu l-verità dwar ħajjitna. Hu qasam kif Alla jsejħilna b’isimna bħala sinjal ta’ mħabbtu għax jaf lil kull wieħed u waħda minna u jieħu ħsiebna permezz tal-Knisja u ta’ dawk ta’ madwarna.

Patri Stanley Tomlin MSSP waqqaf il-Kulleġġ bħala post fejn jitrawmu l-vokazzjonijiet u tingħata formazzjoni Nisranija ħolistika, iggwidata mill-motto: Instrue Me et Vivam  – “Għallimni, u ngħix.”

Fl-ewwel snin, l-isforzi akkademiċi u l-kura pastorali tal-Kulleġġ tmexxew kompletament mill-membri tal-MSSP. Sitt djakni ħadu rwol fundamentali fit-twaqqif ta’ din l-iskola, billi poġġew il-pedamenti biex isir spazju dinamiku fejn l-edukazzjoni u l-kura pastorali jikkontribwixxu għall-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti. Maż-żmien, din il-viżjoni saret komunità vibranti ta’ tagħlim u servizz, li tintegra l-edukazzjoni mal-formazzjoni spiritwali.

Illum il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl hu appoġġjat minn tim ta’ aktar minn 150 edukatur u staff, u aktar minn 3,000 student attendew l-iskola. Il-Kulleġġ beda bħala l-unika skola privata bla ħlas f’Malta, u jibqa’ jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn il-ġenerożità u l-aspirazzjoni għall-eċċellenza. Il-faċilitajiet tagħha żviluppaw matul is-snin, mill-kmamar tal-kunvent li issa qed jintużaw bħala klassijiet, sal-ftuħ tal-awditorju ta’ Sant’Agata fl-1982. L-iskola primarja nbniet fl-2011, u estendiet il-missjoni tal-Kulleġġ li jrawwem iż-żgħażagħ mill-bidu tal-edukazzjoni tagħhom.

Il-Kulleġġ isostni metodi ħolistiċi għall-edukazzjoni tal-istudenti u jinkorpora l-etos tal-iskola bi żvilupp akkademiku, spiritwali, soċjali u emozzjonali. L-istudenti għandhom l-opportunità li jiskopru t-talenti uniċi tagħhom, filwaqt li jitgħallmu jaffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja. Is-saċerdoti u l-istaff jagħtu wkoll importanza lill-komunità li tinfluwenza l-ħajja tal-istudenti billi jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom u b’hekk tinħoloq kollaborazzjoni.

Permezz tal-attivitajiet ta’ wara l-iskola, l-istudenti huma mħeġġa jikbru fil-kunfidenza, kreattività u kollaborazzjoni, b’opportunitajiet ta’ spettakli fuq il-palk, parteċipazzjoni fl-isports u attivatjiet oħra. L-istudenti jħaddnu r-responsabbiltà soċjali u jaqdu lil ħaddieħor permezz ta’ programmi ma’ nies fil-bżonn, proġetti ambjentali, u servizz komunitarju, ispirati mill-viżjoni tal-missjunarju Joseph de Piro. Dawn l-esperjenzi jsaħħu l-valuri tal-iskola billi jnisslu sens ta’ ġenerożità, altruwiżmu u jħejju lill-istudenti biex jiffaċċjaw il-futur b’reżiljenza u integrità. Il-membri tal-istaff jaħdmu sabiex jinkorporaw il-morali bbażati fuq it-tagħlim ta’ Kristu fil-komunità, u jgħinu lill-istudenti jieħdu l-passi tagħhom fid-dinja b’ċarezza u skop.

L-ex studenti jġorru dawn il-valuri magħhom anki wara l-gradwazzjoni, fil-ħajja professjonali u personali tagħhom. Xi wħud jingħaqdu bħala missjunarji tal-MSSP, filwaqt li oħrajn jidħlu fl-oqsma tax-xogħol tagħhom, u jkomplu jikbru, bl-għeruq tagħhom fil-fidi u s-servizz.

Bħala parti mill-missjoni tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl matul dawn l-aħħar 60 sena, l-iskola tonora lis-saċerdoti tal-MSSP – ħames retturi, kif ukoll diretturi spiritwali, edukaturi, ġenituri, benefatturi u studenti, li l-isforzi u l-fedeltà tagħhom ittrasforma l-Kulleġġ f’dak li hu llum – dar ‘il bogħod mid-dar għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Ritratti: Ian Noel Pace