L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja tal-konverżjoni ta’ San Pawl mhijiex biss ġrajja straordinarja fil-ħajja ta’ qaddis kbir imma hija wkoll avveniment importanti ħafna fl-Istorja tal-Knisja. Kif smajna fir-rakkont sabiħ tal-Atti tal-Appostli, u jirrepetih ukoll San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Galatin, Sawl – kif kien jismu – kien jaħdem b’entużjażmu biex isib lis-segwaċi ta’ Ġesù u jitfagħhom fil-ħabs. L-intenzjoni tiegħu kienet li lil dawk li ma kinux qed jimxu skont il-liġi ta’ Alla, kif kien jifhimha hu, jagħmel minn kollox biex jippersegwitahom.
Kien proprju f’din il-ħidma ma taqta’ qatt, meta sejjer lejn Damasku, li Sawl kellu din l esperjenza speċjali ta’ Ġesù Rxoxt li bidlitlu ħajtu. Ħafna drabi ngħidu l-espressjoni “waqa’ minn fuq iż-żiemel” imma r-rakkont ma jsemmix żwiemel, jgħid li “waqa’ fl-art” (Atti 9:4). Sawl ra dawl mis-sema u sema’ lil Ġesù jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:3) U għad-domanda ta’ Sawl, il-leħen jgħidlu: “Jiena Ġesù li int qed tippersegwitah” (Atti 9:4). Meta fehem li l-Mulej, li lilu ried iqim u għalih ried jaħdem, kien fil-fatt Ġesù ħaj, u lilu kien qed jippersegwita għax qed jippersegwita lid-dixxipli tiegħu, din kienet esperjenza li bidlitlu ħajtu għal kollox.
Nafu li “ma seta’ jara xejn” (Atti 9:8) meta fetaħ għajnejh. Ma kienx biss fiżikament mill-għajnejn li ma setax jara, imma l-mod kif kien jara l-ħajja u d-dinja nbidel. Minn persekutur tal-Insara, Alla għamlu evanġelizzatur – appostlu tiegħu li jħeġġeġ biex ikun hemm l-Insara u jwassal l-Evanġelju lill-ġnus.
Nixtieq li nħarsu lejn din il-ġrajja u naraw dak li tgħid lilna għall-ħajja tagħna. Insemmi erba’ punti.
Il-grazzja ta’ Alla ma tafx limiti
L-ewwel nett, l-esperjenza ta’ Sawl turina li l-grazzja ta’ Alla hi mingħajr limiti. Hawnhekk Alla bidel il-ħajja ta’ xi ħadd li mhux kien sempliċiment imbiegħed imma kien persekutur. Alla, bil-grazzja tiegħu, bidel lil Sawl u għamlu Pawlu l-evanġelizzatur tiegħu. Dil-bidla kbira li seħħet turina l-grazzja ta’ Alla ma għandhiex limiti, il-ħniena u l-imħabba tiegħu huma bla tarf.
Kultant aħna li nagħmlu l-limiti lilna nfusna – ngħidu “jien hekk magħmul”. Jew inħarsu lejn in-nies u naqtgħuhom ’il barra mill-ħajja tal-fidi għax ngħidu “dawk issa tbiegħdu”. Imma għal Alla ma hemm ħadd li ma jistax ireġġa’ lura fit-triq it-tajba, li ma jistax jibdel, jittrasforma. Hija l-qawwa tal-imħabba tiegħu. Dan hu messaġġ importanti għalina: lilna wkoll Alla jwassal l-imħabba bla limiti tiegħu. Basta aħna naċċettaw. Kieku r-risposta ta’ Sawl kienet “jien ma jimpurtanix milli qed tgħidli” u kompla għaddej, l-istorja kienet tkun differenti. Imma hu aċċetta l-istedina li għamillu l-Mulej, u ħallieh jibdlu. L-istess f’ħajjitna – hemm dak li l-Mulej jixtieq jibdel, imma f’idejna li nħalluh jagħmel dan.
Il-konverżjoni hi vjaġġ għall-ħajja kollha
Il-konverżjoni hija vjaġġ tul ħajjitna kollha. Hawn għandna l-ġrajja straordinarja tal-konverżjoni ta’ Sawl, u kien avveniment kbir. Imma ma waqafx hemm. Pawlu, imbagħad, wara din il-konverżjoni, kompla ħajtu kollha u speċjalment fl-ewwel snin, qabel ma beda l-ministeru tiegħu, jitlob, jistudja, jirrifletti, jisma’, ħalli verament il-konverżjoni sseħħ fil-qalb u turi ruħha fil-ħidma. Il-konverżjoni tiegħu kompliet tul ħajtu kollha, kif naraw b’mod ċar fl-Ittri tiegħu.
Dan huwa messaġġ importanti għalina: il-ħajja kollha tagħna għandha tkun din il-mixja ta’ konverżjoni li tressaqna ħafna aktar lejn Alla, u li qatt ma nieqfu nħallu lill-Mulej jibdilna għall-aħjar. Hu vjaġġ tul ħajjitna kollha.
Kristu jsejħilna għall-missjoni
Kristu jsejħilna għall-missjoni. Din ma kinetx biss konverżjoni ta’ Sawl li mbagħad sar Pawlu Nisrani li jogħġob lill-Mulej. Imma sar evanġelizzatur, dak li jwassal l-Evanġelju lill-ġnus. Pawlu fehem li kellu din il-missjoni – missjoni kbira u importanti, li l-Evanġelju ma jżommux għalih, imma dak li skopra hu jwasslu b’entużjażmu lill-oħrajn.
Innutaw kif Pawlu uża t-talenti, id-doni li Alla tah, u qegħidhom għas-servizz tal-Evanġelu. L-istess ħeġġa li kellu qabel biex jippersegwita l-Insara issa beda jużaha, din il-ħeġġa, biex iwassal l-Evanġelju. Għalhekk l-Evanġelju xtered ma’ tant postijiet. Dan sar bl-entużjażmu u l-enerġija ta’ Pawlu, imqiegħda għas-servizz ta’ Alla. Kien bil-qawwa ta’ Alla u l-providenza tiegħu li dan seħħ – kif nafu, b’mod mill-iktar ċar, fir-rakkont tal-Atti tal-Appostli tat-tempesta u n-nawfraġju ta’ Pawlu f’Malta, fejn Pawlu ħin minnhom jgħid lil dawk fuq il-ġifen “kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta” (Atti 27:21) – u kieku għamlu hekk u semgħu minnu, Pawlu ma kienx jispiċċa hawn Malta. Imma Pawlu dejjem fittex dak li jrid Alla, u l-Mulej għenu biex imur minn post għall-ieħor. Għenu biex l-istess persekuzzjoni tkun strument ta’ evanġelizzazzjoni. L-Evanġelju xtered f’postijiet differenti sewwasew minħabba l-persekuzzjoni.
Dan hu messaġġ ta’ siwi għalina: li niftakru fil-missjoni li għandna li nwasslu l-Evanġelju lill-oħrajn. Ġieli dan nagħmluh bil-kelma, fejn possibbli, u ngħidu kelma ta’ ġid; imma dejjem bl-imġiba ta’ ħajjitna. Kemm ikun sabiħ li lkoll nagħrfu din il-missjoni li l-Mulej tana fil-magħmudija tagħna, lil kull wieħed u waħda minna: li nkunu evanġelizzaturi, kulħadd skont is-sejħa u s-sitwazzjoni partikulari. Hawn min jista’ jmur minn post għal ieħor, hawn min fil-post tax-xogħol tiegħu jew tagħha, hawn min marid jew marida f’qiegħ ta’ sodda. Din hi l-istedina li jagħmlilna Pawlu: li nkunu evanġelizzaturi.
It-tbatija hija t-triq għall-glorja
Pawlu jurina li fil-ħajja Nisranija t-tbatija hija t-triq għall-glorja. Meta hu beda miexi wara Ġesù, ma sabx ħajja faċli ħielsa mit-tbatija. Anzi, il-kontra. Fl-Ittri tiegħu hu jispjega minn xiex kellu jgħaddi: ħabs, swat, perikli, problemi u diffikultajiet ta’ kull tip, kollox għal Kristu. Hu fehem li meta aħna ngħixu l-ħajja tagħna Nisranija, ma jfissirx li kollox faċli. Kultant niltaqgħu ma’ tbatija sewwasew għax inkunu qed nagħmlu ħilitna biex ngħixu bħala Nsara, il-valuri li fihom nemnnu.
Fir-rakkont tal-Atti tal-Appostli, smajna dak li l-Mulej qal lil Ħananija: “Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi” (Atti 9:16). Kien fl-ewwel mument tal-ħajja ġdida tiegħu Nisranija. Lilna l-messaġġ li jagħtina hu dan: li qatt ma nibżgħu nbatu minħabba s-sewwa, u qatt ma nibżgħu ngħixu t-tbatija f’għaqda mat-tbatija ta’ Ġesù. Li nagħrfu li t-tbatija hija t-triq li twassal għall-glorja. Għalhekk Pawlu jurina kif għandna ngħixu l-iebes tal-ħajja, il-mumenti ta’ dlam li ngħaddu minnhom.
Nitolbu llum lil San Pawl, f’din il-knisja sabiħa ddedikata għalih, biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni u ta’ għajnuna, bl-interċessjoni tiegħu, għall-ħajja tagħna. Ħaġa sabiħa li qed niċċelebraw din il-festa tiegħu, u rridu niftakru f’dak li jurina San Pawl: meta nagħmlu festa għalih, qed infaħħru lill-Mulej; permezz tiegħu, qegħdin nagħtu ġieh lill-Mulej. Permezz ta’ San Pawl, irridu ngħinu biex aktar nies jersqu lejn il-Mulej. Nitolbuh biex ikollna dan l-ispirtu tiegħu ħalli din il-ġrajja li niċċelebraw tgħin lilna lkoll biex insiru aktar nixbhu lil San Pawl Missierna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju