Matul ix-xhur li għaddew, Reményhir, organizzazzjoni Ungeriża dedikata għall-ħidma tal-missjoni, iltaqgħet mal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI) biex taqsam l-aħjar prattiki fil-formazzjoni Nisranija tal-adulti. Bi 18-il sena esperjenza fit-taħriġ tal-operaturi pastorali, il-ħaddiema tal-Knisja u l-Insara li qed ifittxu li japprofondixxu l-fidi tagħhom, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali laqa’ din it-talba għall-kollaborazzjoni.

F’Novembru 2024, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali ltaqa’ mad-delegazzjoni ta’ Reményhir. Din il-laqgħa wittiet it-triq għall-proġett Erasmus+ li sar mill-20 sat-23 ta’ Jannar 2025.

Matul dawn il-jiem, rappreżentanti miż-żewġ istituzzjonijiet ħadmu flimkien fi spirtu ekumeniku u fratern, u saħħew il-missjoni kondiviża tagħhom. L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali qasam għarfien, esperjenzi, u l-aħjar prattiki għall-edukazzjoni Nisranija ta’ livell għoli. Barra minn hekk, PFI esploraw l-inizjattivi tad-Djakonija, billi qasmu kif il-formazzjoni Nisranija tista’ tissarraf b’mod prattiku f’servizz, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-komunitajiet tagħhom permezz ta’ impenn attiv.

Din il-kollaborazzjoni interkulturali saħħet l-fehim kollettiv bejn persuni minn sfondi differenti, filwaqt li introduċiet metodi ġodda u innovattivi biex tgħin lill-individwi jissaħħu fil-fidi u jaqdu aħjar lill-komunitajiet tagħhom.