L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ħajja hija mimlija għażliet li rridu nagħmlu. Imma aħna lkoll li qegħdin hawn irċevejna l-ħajja u twelidna mhux b’għażla tagħna, imma għax kien hemm il-ġenituri tagħna li għażlu l-ħajja. Kien hemm min ħa ħsiebna b’għożża minn qabel twelidna, u wara. Għal dawn il-persuni aħna għandna biss gratitudni kbira.
Imma l-gratitudni hija akbar għax rawmuna f’ambjent li jgħożż il-ħajja. Minn meta konna żgħar, fost il-valuri prinċipali li wrewna u li għallmuna, kien hemm l-apprezzament tal-ħajja u tad-dinjità ta’ kull bniedem. Hija s-soċjetà Maltija wkoll li tul is-snin għarfet li l-ħajja hija prezzjuża dejjem, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Għarfet li għandna nagħmlu ħilitna biex nipproteġu l-ħajja minn dak kollu li jheddidha, ikasbarha jew iġibha fix-xejn.
Dan hu li qed niċċelebraw illum. Hi ċelebrazzjoni pożittiva tal-ħajja, ta’ dak kollu li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ħajja fostna.
Sfidi ta’ żminijietna
Illum qed inħabbtu wiċċna ma’ diversi sfidi fejn tidħol il-protezzjoni tal-ħajja, u rridu lkoll nagħrfu l-għażliet li għandna nagħmlu quddiem dawn l-isfidi.
Hawn min iqiegħed għamad quddiem għajnejh biex ma jaċċettax il-verità – dak li tgħid ix-xjenza u li tarah illum bl-ultrasound – jiġifieri li l-ħajja umana tibda mat-tnissil, u jgħid li dawk ftit ċelloli fil-ġuf li tista’ tiddisponi minnhom. Imma jekk hemm diġà ħajja umana li bdiet, ukoll jekk għadha fil-bidu, jekk teliminaha int tkun qed teqred ħajja umana. Tista’ tgħidha bi kliem differenti, tista’ titkellem fuq iċ-ċelloli qisek qed titkellem fuq ċista, imma l-verità hi li meta teqred dawn iċ-ċelloli qed teqred ħajja umana li bdiet.
Hawn min jgħid li jekk irridu nkunu progressivi, irridu nippermettu li l-ħajja tista’ teqridha qabel titwieled. Hija tassew kontradizzjoni kbira li titkellem fuq progress jekk iċċaħħad il-progress ta’ min għadu żgħir ħafna u vulnerabbli u ma tħallihx jiżviluppa. Tkun tassew progressiv meta tħalli min hu ċkejken u dgħajjef jagħmel progress, anzi tinkoraġġixxi dan il-progress mhux toħonqu.
Aħna għandna għax nifirħu li nkunu l-ewwel fl-għożża tal-ħajja!
Hawn min jgħid li trid tħalli lil kulħadd fil-libertà. Jgħidulek: jekk inti temmen f’Alla, irrispetta l-ħajja mill-bidu nett; u lil min ma jemminx, ħallih fil-libertà jagħmel li jrid, timponix il-fidi tiegħek fuqna! Imma l-iżball hu hawn: mhijiex il-fidi imma x-xjenza li tgħidlek li hemm ħajja umana li bdiet. Il-fidi li tgħidlek hu li kull ħajja hija xbieha ta’ Alla, don tiegħu. Ma nistgħux nirraġunaw li fis-soċjetà l-ħajja umana għandha tkun imħarsa biss minn min jemmen, u min ma jemminx għandu dritt li jeqridha!
Hawn min jgħid li aħna l-Maltin qegħdin waħedna fir-rispett lejn il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Dan għandu jagħmilna kburin, mhux b’xi mod inħossuna inferjuri. Aħna għandna għax nifirħu li nkunu l-ewwel fl-għożża tal-ħajja!
Dawn huma sfidi li rridu naffaċċjaw bis-serenità imma b’mod ċar. Il-mument li aħna naċċettaw li l-ħajja umana li bdiet tista’ teliminaha, inkunu kissirna l-pedament tar-rispett lejn il-ħajja f’waqtiet oħra tul is-snin. Inkunu adottajna l-“kultura tal-iskart”, kif isejħilha b’mod qawwi l-Papa Franġisku.
Etika konsistenti favur il-ħajja
Hija l-għażla favur il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha li tgħinna biex ikollna etika konsistenti favur il-ħajja dejjem u sal-aħħar. Hu għalhekk li rridu nħarsu l-ħajja f’kull waqt tagħha. Dan juri ruħu fl-għażliet li nagħmlu.
Irridu nirsistu b’impenn għall-protezzjoni tal-ambjent, li jagħtina l-istess arja li nirrespiraw. Hemm ukoll nuru kemm hi għażiża jew le l-ħajja.
Irridu naħdmu biex ngħinu persuni li qed isofru vjolenza domestika jew abbuż, u li minħabba f’hekk il-ħajja tagħhom hija mhedda. Jeħtieġu kull għajnuna biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż u jkunu rispettati fid-dinjità tagħhom.
Irridu nagħtu appoġġ lill-persuni li qed ifittxu l-kenn barra minn arthom – naħdmu biex ma jispiċċawx mgħarrqa fil-baħar huma u jfittxu ħajja ġdida.
Irridu nkunu ta’ spalla għall-persuni li għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali, li jeħtieġu kull appoġġ biex jistgħu jgħixu ħajja b’dinjità.
Irridu nibqgħu sodi kontra d-droga li mhijiex rikreazzjoni imma deġenerazzjoni.
Irridu nagħtu appoġġ lill-persuni li qed ifittxu l-kenn barra minn arthom – naħdmu biex ma jispiċċawx mgħarrqa fil-baħar huma u jfittxu ħajja ġdida.
Irridu niftakru li s-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.
Għażla sal-aħħar
L-għażla favur il-ħajja tibda mill-bidu nett u tkompli sal-aħħar, sal-mument meta l-ħajja tintemm u ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem.
Hawn diversi persuni li jkunu f’sitwazzjoni ta’ dgħufija u vulnerabbiltà, speċjalment fis-snin ta’ età kbira. Il-messaġġ li rridu nagħtu huwa li l-ħajja ta’ kull persuna hi għażiża, u rridu ngħinu b’mod partikulari lil dawk li għaddejjin minn tbatija u li jeħtieġu kura paljattiva.
Fi kliem il-Papa Franġisku: “…il-kura paljattiva awtentika hi radikalment differenti mill-ewtanasja, li qatt ma hi għajn ta’ tama jew attenzjoni ġenwina għal min hu marid u min qed imut. Minflok, din hi falliment tal-imħabba, mera ta’ ‘kultura tal-iskart’ li fiha l-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu. Tabilħaqq, l-ewtanasja hi spiss ippreżentata b’mod qarrieq bħala għamla ta’ kompassjoni. Imma l-‘kompassjoni’, kelma li tfisser ‘tbati ma’’, ma tinvolvix it-temma intenzjonata ta’ ħajja, imma pjuttost ir-rieda li wieħed jaqsam fit-toqol ta’ dawk li qed jaffaċċjaw l-aħħar stadji tal-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art” (Messaġġ f’Simposju Internazzjonali dwar il-Kura Paljattiva, 21-23 ta’ Mejju 2024).
Noffru t-tama
L-għażla favur il-ħajja tfisser li nieqfu ma’ min qed ibati –bħall-ommijiet li jsibu ruħhom f’diffikultajiet kbar u jkunu jeħtieġu appoġġ. Hu dan li toffri l-Knisja f’diversi parroċċi u komunitajiet tagħha, flimkien ma’ diversi istituzzjonijiet bħall-Moviment għad-Drittijiet, Protezzjoni u Żvilupp tat-tarbija li se titwieled, u l-Life Network Foundation – biex ħadd ma jitgħaffeġ taħt it-tbatija u biex tant ħajjiet umani jkunu salvati.
F’din il-festa tal-lum tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, nitolbu biex hu jkun dejjem “id-dawl biex idawwal il-ġnus”. Nitolbu biex aħna nwasslu dan id-dawl tiegħu bħala pellegrini tat-tama u noffru din it-tama Nisranija b’messaġġ ċar favur il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem: ngħożżu l-ħajja bl-imħabba, nagħżlu l-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju