L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Għandna llum din il-ġrajja drammatika ta’ Ġesù li jiltaqa’ ma’ dal-bniedem li kien maħkum minn spirti ħżiena. U hawnhekk naraw lil Ġesù: li għandu l-awtorità fuq il-ħażen; li kollu mħabba u ħniena għal min qiegħed ibati; u li jġib bidla bil-qawwa trasformattiva tal-imħabba tiegħu.
Ġesù kien qiegħed in-naħa tal-pagani, fir-reġjun tal-Ġerasin, u hemmhekk ġie fuqu dal-bniedem maħkum minn spirti ħżiena. Nafu, mid-deskrizzjoni, f’liema sitwazzjoni pjetuża kien dan il-bniedem. Kien mhux biss maħkum minn spirti ħżiena imma, minħabba f’hekk, kien jagħmel ħsara lilu nnifsu – “iqatta’ ġismu biż-żrar” (Mk 5:5) – kien joqgħod fost l-oqbra, jew fuq il-muntanji; u meta ppruvaw jorbtuh bil-ktajjen, dal-bniedem kisser anke l-ktajjen. Dan kien qed jagħmel ħsara lilu nnifsu u kien ta’ theddida għan-nies.
Imma meta aħna naraw din il-laqgħa ta’ dal-bniedem ma’ Ġesù, l-ewwel ħaġa li ninnutaw hija din: filwaqt li n-nies kienu jibżgħu minnu, għax maħkum minn spirti ħżiena, fil-laqgħa ma’ Ġesù jkunu huma – l-ispirti ħżiena ta’ ġo fih – li jibżgħu minn Ġesù. Għalhekk jgħidulu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli?” (Mk 5:7). Jirrikonoxxu l-awtorità ta’ Ġesù. Mal-ewwel jitkellmu miegħu qishom jafu li Ġesù se jagħmlilhom xi ħaġa – kif, fil-fatt, għamel Ġesù għax l-ewwel ħaġa li qal biex dal-bniedem jinħeles minn dawn l-ispirti ħżiena. Dan hu l-ewwel punt li nixtieq li nirriflettu fuqu: li Ġesù għandu l-awtorità fuq il-ħażen, fuq l-ispirtu ħażin, anzi fuq “leġjun” (Mk 5:9) ta’ spirti ħżiena, kif qalu huma. Bħala dixxipli ta’ Ġesù, aħna għandna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih. Iktar milli noqogħdu nhewdnu fuq il-qawwa tax-xitan u nibżgħu minnu, iktar jaqbel li nqiegħdu l-fiduċja f’Ġesù li għandu l-awtorità fuq il-ħażen. Għalhekk aħna nkunu tassew dixxipli ta’ dak li għandu l-awtorità fuq l-ispirti ħżiena u, bil-qawwa tiegħu, mhux nibżgħu imma nagħmlu li għandna nagħmlu ħalli negħlbu l-ħażen.
X’jolqotna wkoll f’din il-ġrajja? L-imħabba kbira ta’ Ġesù lejn dal-bniedem li qed ibati. L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hu li jeħilsu minn dak li qed jikkawżalu t-tbatija. Dejjem tolqotna din l-imħabba ta’ Ġesù, u hawnhekk, meta naraw il-kuntrast bejn kif kien qabel dal-bniedem, u mbagħad kif ġie meta Ġesù fejqu – kif qrajna, “bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu” (Mk 5:15) – naraw tassew il-qawwa tal-imħabba u l-ħniena ta’ Ġesù, li hi aqwa minn kull ħażen, u tilliberana minn kull ħażen. Għalhekk, aħna qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla, mill-imħabba tiegħu, u lanqas għandna naqtgħu lill-bnedmin – ngħidu “dak inutli għalih!” – għax Alla jista’, bil-qawwa tiegħu, jibdel lill-bniedem bl-imħabba kbira tiegħu u jagħtih dil-ħajja ġdida. Anke magħna hekk jagħmel, jekk aħna nħallu lill-Mulej jidħol fis-sitwazzjonijiet tagħna ta’ diffikultà, anke fil-postijiet mudlama tal-ħajja tagħna, biex lilna jagħtina l-ħajja mill-ġdid. Din hija l-qawwa tal-imħabba ta’ Alla.
Imbagħad tolqotna ħafna kif dal-bniedem mibdul, x’ried jagħmel? Ried jimxi wara Ġesù. Ġiet naturali li lil dak li kien fejqu u lliberah iżommu bħala l-Imgħallem tiegħu u jimxi warajh. Imma Ġesù ried missjoni oħra mingħandu. Mhux li jkun miegħu, jimxi warajh, imma li jmur jagħti xhieda, li jkun xhud tiegħu qalb in-nies; kif fil-fatt għamel, għax l-Evanġelju hekk jispiċċa: “…beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù” (Mk 5:20). Lilna wkoll il-Mulej dan żgur jitolbu minna: li aħna nagħtu xhieda mal-oħrajn ta’ dak li l-Mulej jagħmel magħna, nagħtu xhieda mal-oħrajn tal-imħabba kbira tiegħu lejna, u b’dal-mod ngħinu lin-nies biex jersqu lejh.
Hawnhekk hawn dal-kuntrast bejn dal-bniedem, li ried jibqa’ marbut ma’ Ġesù, u n-nies li “bdew jitolbuh ħafna… biex iwarrab minn pajjiżhom” (Mk 5:17). Nitolbu lill-Mulej li aħna ma nkunux dawk li rridu lil Ġesù iwarrab minn fostna, minn pajjiżna, imma nkunu dawk li rriduh qrib tagħna biex inkomplu dejjem nagħtu xhieda mal-oħrajn tal-imħabba tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju