Ritratt: Ian Noel Pace

Waqt il-programm What’s On Newsbook fuq RTK103 ftit wara l-mewt ta’ Monsinjur Victor Grech Monsinjur Charles Cordina fakkar il-memorja tiegħu u rrakkonta kif jiftakar kjujiet ta’ żgħażagħ jistennew nhar ta’ Sibt barra s-Seminarju tal-Furjana biex imorru jqerru għandu. Enfasizza li kien ikun imfittex ħafna anke għal-laqgħat tal-Eżercizzi u wara kien iħeġġeġ lil dawn iż-żgħażagħ għall-volontarjat. Ħareġ biċ-ċar li kellu kelma tajba “b’ħafna ħlewwa u eżempji” u għamel żmien twil bil-programmi fuq ir-Redifussion, Radju Malta u radju RTK103.

Minħabba l-kuntatt tiegħu maż-żgħażagħ mal-ewwel ħass il-problema tad-droga anke jekk dak iż-żmien ħadd ma riedu jemmnu. Semma li dejjem kellu interess kbir fl-umanità tal-bniedem mingħajr ebda ġudizzju. Kienet tgħodd għalih il-persuna fi tbatija tant li sal-aħħar baqa’ jżur il-klijenti tal-Caritas u anke fl-aħħar jiem meta kien l-isptar kienet l-għaxqa tiegħu meta kienu qed iżuruh l-istaff tal-Caritas.

Kien iħobb jikkwota l-vers mill-Iskrittura “Kull ma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” u dejjem ħajjar lil ħaddiehor biex jadotta dan l-istil ta’ imħabba.

L-ewwel memorji tiegħu kien meta hu daħal is-Seminarju. “Qassis li jifhmek, li jħoss għalik, li jħobbok u jara kif jista’ jgħinek” stqarr Cordina filwaqt li kompla jgħid li jaf il-ħajja tiegħu lilu anke fi żmien diffiċli li esperjenzaw fis-Seminarju wara l-Konċilju tal-Vatikan II.

Fl-intervista ntqal ukoll li hu kien iħobb ħafna lil ħuh Joe Grech, il-kantant maħbub li ħalla din id-dinja fit-30 ta’ Diċembru tal-2024. Dun Victor Grech kien mar anke għall-konkors tal-Eurovision Song Contest biex ħuh ma jmurx jagħmel din l-esperjenza waħdu.

Sors: Newsbook Malta