Wara li tħabbret il-mewt ta’ Monsinjur Victor Grech, fuq fomm kulħadd hemm kemm kien raġel qaddis li dejjem kien hemm għal kulħadd.
Newsbook Malta mar fil-parroċċa tal-Ibraġ fejn għal snin twal Monsinjur Grech serva bħala saċerdot, biex jitkellem mal-parruċċani li fakkru l-memorji sbieħ li għandhom tiegħu. Fi kliem in-nies hu kien “qaddis ħaj”.
Kien hemm ħafna li qalu li bis-saħħa tiegħu reġgħu resqu lejn il-Knisja, uħud anke fl-aktar mumenti ta’ tbatija. Spikkaw il-valuri li kien iħaddan fosthom tas-sempliċità, l-umiltà, is-sens ta’ mħabba għal kulħadd u t-tjubija tiegħu.
Tkellmet magħna koppja li Mons. Grech ressaq lil binhom marid bil-kanċer lejn Alla u li bidel ħajtu mil-lejl għan-nhar. Stqarrew, “bis-saħħa ta’ Mons. Grech it-tifel tagħna kellu mewta fil-paċi ħafna u ta’ qaddis”.
“Ma kellux omeliji twal, imma jsammruk”
Oħrajn qalu li kien id-direttur spiritwali tagħhom u li qatt ma stajt tixba’ jisimgħu jipprietka. Ġie nnuttat li kienu jarawh qassis modern għax ma kienx itawwal l-omeliji imma xorta waħda bi ftit kliem kien jirnexxielu jsammrek u jressqek lejn Alla biex issib l-aħjar ta’ ġo fik.
Mill-ġdid ħareġ kemm kienu jkunu ta’ suċċess l-eżercizzi tiegħu għaż-żgħażagħ li kienu jattiraw l-eluf, punt li semma wkoll Mons. Charles Cordina fil-kummenti tiegħu waqt il-programm What’s On Newsbook li xxandar fuq RTK103 ftit sigħat wara li tħabbret il-mewt ta’ Mons. Grech.
“Kien il-missier fiżiku li qatt ma kelli”
Ħafna persuni li missew mal-vizzju tad-droga u għamlu programm ta’ rijabilitazzjoni mal-Caritas iqisuh bħala missierhom għax dejjem wera ħniena kbira magħhom, imma anke hawnhekk fi ħdan il-parroċċa laqatni l-kliem ta’ parruċċan li qasam ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet kif Dun Victor Grech kien il-missier fiżiku li qatt ma kellu.
Intant, fuq nota aktar umana skoprejna li dejjem kien iħeġġiġhom biex jitbissmu u f’għeluq sninu kien iħobb xi kejk sempliċi biż-żbib.
X’kienet il-fehma ta’ Mons. Victor Grech dwar is-sitwazzjoni preżenti tad-droga?
Newsbook Malta tkellem ukoll ma’ Fr Osmar Baldacchino, saċerdot żagħżugħ li f’dawn l-aħħar tliet snin ħadem mill-qrib ma’ Mons. Victor Grech u kien jinnota kemm kien jiddedika ħin għall-qrar. Hu kien qiegħed imur iqarbnu f’daru u anke fl-isptar. Fr Osmar stqarr li baqa’ impressjonat bl-imħabba kbira li sal-aħħar Mons. Grech baqa’ juri lejn Ġesù Ewkaristija.
Meta kien l-isptar Fr Osmar kien staqsieh x’seta’ jagħmel biex jgħinu u Mons. Grech ma ħasibx fih innifsu imma wieġeb, “ħobb lil Ġesù” – turija ta’ kemm kien jingħata għal din l-imħabba ta’ Ġesù.
Fl-aħħar żmien ta’ ħajtu hu baqa’ jaqra l-ġurnali biex iżomm ruħu nfurmat dwar il-bżonnijiet tas-soċjetà u meta Fr Osmar ġie mistoqsi dwar jekk kienx jiftaħ qalbu magħhom u kienx ikun imħasseb bis-sitwazzjoni preżenti tad-droga, wieġeb li “iva Mons. Grech kien inkwetat li ċertu affarijiet qed jiġu nnormalizzati fil-kultura imma baqa’ jittama li kull bniedem kapaċi jinbidel u l-istess is-soċjetà li kapaċi tinbidel għat-tajjeb”.
Mons. Grech baqa’ mfittex mill-persuni li jkun għen matul ħajtu. Persuna li għadu kemm reġa’ lesta programm ieħor ta’ riabilitazzjoni qasam miegħi b’mod privat, minħabba raġunijiet personali, kif hu ħass li għandu jibqa’ jkun viċin Mons. Grech sal-aħħar u l-aħħar kliem tiegħu tiegħu kien, “Inħobbok. Il-Mulej qed jistennieni.”
“Meta mort Ġerusalemm sirt naf kemm kien rispettat internazzjonalment” – Fr Brian Gialanze
Ħadna wkoll il-kummenti tal-Kappillan tal-Ibraġ Fr Brian Gialanze li qal li għalkemm kienet esperjenza qasira miegħu f’din il-parroċċa, jibqgħu miegħu l-kliem ta’ kuraġġ u l-impenn soċjali. Żied jgħid li f’dawn il-jiem ukoll ftakar fil-kliem ta’ kuraġġ li kien jgħid Mons. Victor Grech permezz tal-programm radjufoniku ‘Kelma ta’ Kuraġġ’ li kien jixxandar kull nhar ta’ Sibt. Hu, bħala tifel kien jinġabar ma’ familtu biex isegwih. Għalaq billi rrakkonta anedottu ta’ meta hu żar Ġerusalemm u skopra wkoll kemm Grech kien irrispettat mill-Caritas fuq livell internazzjonali.
Illum il-Korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fid-9.30am għaċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas fil-limiti ta‘ Ħaż-Żebbuġ. Fl-10.30am, il-katavru ta’ Monsinjur Victor Grech se jkun espost għall-qima tal-pubbliku fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas. Dan se jkun espost għall-qima tal-pubbliku mill-10.30am sas-1pm u mit-3pm sas-6pm.
Għada l-Kleru tal-Parroċċa ta’ Marija Immakulata u r-residenti Tal-Ibraġ, fejn Monsinjur Grech kien residenti u serva bħala saċerdot għas-servizz tal-komunità, se jagħtuh tislima meta l-Korteo funebri jgħaddi quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ fl-9.40am.
Il-Korteo funebri mbagħad jasal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fl-10.20am, bil–quddiesa praesente cadavere li se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna. Il-funeral organizzat mill-istat se jkun qed jixxandar live fuq Newsbook Malta u RTK103.
Sors: Newsbook Malta