X’fettillek Pawl minn fost tant gżejjer
Fettillek taħbat ma’ Gżiritna?
Tgħid biex mas-snin tibqa’ tfakkarna
Fil-wirt għażiż li ħallejtilna?
X’fettillek Pawl tiġi hawn fostna
Meta Kreta kienet l-aqwa tort?
Tgħid biex tiftħilna dawl għajnejna
Li mingħajr Kristu ngħixu fit-tort?
X’fettillek Pawl toqgħod tinqala’
Tissogra ħajtek fuq il-ġifen?
Meta ġejt għandna kważi għeriqt
Ħa ddawwal lill-moħħna ħa jifhem?
X’fettillek Pawl tidħol għall-kedda
Li setgħet swietlek bil-wisq qares?
Għaliex għaddast rasek u baħħart?
Ridt lil qalbna lejn Kristu tħares?
X’fettillek Pawl f’Malta, dan pajjiżna
Tagħti l-kollox, ħabbejt lil kulħadd?
Forsi l-għaliex fl-umiltà tiegħek
Tħabbatt sabiex ma jintilef ħadd?
X’fettillek Pawl minn fost tant ittri
Ma ktibtx waħda għalina l-Maltin?
Tgħid int rajtna daqshekk bil-għaqal?
U ma’ salibna tant imgħannqin?
Ma nafx imma se ngħidlek ħaġa
Meta jkollok ċans erġ’ejja l’hawn,
Did-darba la tasal tintebaħ
Li kellek għalfejn tinqala’ Pawl.