L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi” (Mk 9:24). Din it-talba sabiħa li għamel dan ir-raġel f’dan ir-rakkont li għadna kemm smajna tagħtina l-messaġġ l-iktar importanti f’din il-ġrajja tal-lum.

Hawnhekk għandna lil Ġesù, flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, li niżlu minn fuq il-muntanja fejn kien hemm il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni, u ltaqa’ ma’ kotra ta’ nies. Kien hemm in-nies li kienu qed jitlewmu bejniethom, xi ħaġa kienet qed tiġri. Tajjeb li aħna nieqfu u naraw l-ewwel nett id-dixxipli ta’ Ġesù f’din il-ġrajja, imbagħad dar-raġel li għamel dit-talba lil Ġesù għax kellu lil ibnu maħkum minn spirtu ħażin, u mbagħad inħarsu lejn Ġesù.

L-ewwel nett, dawn id-dixxipli ta’ Ġesù – dawk li kienu mhux miegħu fuq il-muntanja imma isfel – ġie għandhom dan ir-raġel biex huma jfejqu lil ibnu, imma ma rnexxilhomx. Naturalment, dar-raġel ġie hemm għax jgħidlek “dawn id-dixxipli ta’ Ġesù, kapaċi jagħmlu bħalu”. Imma r-rakkont ma jgħidlekx li d-dixxipli qalulu “stenna sakemm jiġi Ġesù, u naraw”, imma li ma nrexxilhomx. Hemm raġuni għaliex ma rnexxilhomx. U r-raġuni hi li, kif jispjega Ġesù aktar tard, dan l-ispirtu ħażin “ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb” (Mk 9:29). B’għaqda sħiħa ma’ Alla u bil-qawwa ta’ Alla, mhux bil-qawwa tagħhom. Jekk huma jaħsbu – u dan hu messaġġ importanti dejjem għalina – li l-affarijiet isiru bil-qawwa tagħhom, kif dawn id-dixxipli ħasbu li bil-qawwa tagħhom, għax qegħdin ma’ Ġesù se jirnexxilhom, hekk ma jirnexxilhomx. Minn fejn tiġi l-qawwa? Il-qawwa tiġi minn Alla. Dan diġà hu messaġġ importanti għall-ħajja tagħna: li aħna, meta rridu nagħmlu l-ġid u anke nikkumbattu dak li hu ħażin, l-ispirtu ħażin, bil-qawwa ta’ Alla u bl-għajnuna tiegħu, mhux bil-ħila tagħna.

Ħa nħarsu lejn dar-raġel li kellu lil ibnu li kien maħkum minn spirtu ħażin. Kien qed ibati ħafna – ibnu u missieru wkoll. Kienet sitwazzjoni li toħloq ħafna nkwiet, ħafna tbatija lil dan ir-raġel. Meta jispjega lil Ġesù x’ġara u anke minn xiex ibati ibnu, jgħidlu: “Imma inti, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina” (Mk 9:22). Jekk tista’, u Ġesù jaqbad ma’ din “jekk tista’”. Qisu dan bejn kellu tama li se jgħinu u bejn le, forsi kapaċi u forsi le. Hi differenti minn ġrajja oħra li naraw f’San Mark ukoll, meta wieħed lebbruż imur fuqu u jgħidlu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mk 1:40). U Ġesù jgħidlu: “Irrid, kun imnaddaf” (Mk 1:41). Dan qallu “jekk tista’” – u Ġesù mal-ewwel semmielu dan, imbagħad ir-raġel jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”. Hemm naraw kif dan ir-raġel kien sinċier, u fl-istess waqt kif Ġesù għenu biex jagħmel dan l-att ta’ fidi hekk sabiħ, hekk importanti wkoll: “għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”. Hu ta’ għajnuna kbira għalina dan ir-raġel, għaliex aħna kultant jiġrilna hekk: fit-talb tagħna lill-Mulej qisna nersqu lejh bil-ħsieb “jekk tista’”. Mhux “jekk inti trid” jew “jekk din hi tassew ta’ ġid għalija”. Qisna ma aħniex konvinti li jista’. Imma t-talba li għamel ir-raġel għandha tkun it-talba tagħna: “Jien nemmen. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”.

Lil Ġesù narawh hawnhekk kif jgħin mal-ewwel, ikeċċi x-xitan minn dan it-tifel, u jolqotna l-mod kif deskritt fl-aħħar, dik it-tenerrezza sabiħa ta’ Ġesù: “Qabdu minn idu u qajmu” (Mk 9:27) Għax Ġesù hu dejjem preżenza ta’ mħabba, ta’ fejqan, ta’ għajnuna, ta’ ġid. Hekk narawh. U fejn jara ftit fidi, Ġesù jgħin biex tissaħħaħ. Ma jwarrabx lill-bniedem għax jgħid “dan ma jemminx biżżejjed”, imma jgħin bil-kelma tiegħu, bl-azzjoni tiegħu, biex din il-fidi tissaħħaħ.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-ġrajja sabiħa, biex aħna jkollna dejjem din il-fiduċja fih li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Meta naħbtu nonqsu kultant fil-fidi tagħna, jew jiġuna ħafna ħsibijiet f’moħħna jew taħwid f’qalbna, nagħmlu din it-talba sabiħa ta’ dan ir-raġel li tibqa’ dejjem ta’ għajnuna għalina: “Jien nemmen, Mulej. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju