[email protected]

Fr Peter Ellul qal li għalkemm it-temp ma għenx għax kienet qed traxxax ix-xita hu apprezza l-ħeġġa tal-persuni kollha, reliġjużi u anke lajċi li għamlu l-ħin biex ilbieraħ filgħaxija inġabru fi Pjazza San Pietru jitolbu għall-bżonnijiet tal-Papa Franġsiku.

“Mument sabiħ ta’ talb, kardinali, isqfijiet imma wkoll Insara li nġbarna flimkien bħal ma għamlu d-dixxipli meta naqraw fl-Atti tal-Appostli li nġabru biex jitolbu għal San Pietru” stqarr Fr Peter.

Fr Peter Ellul kien qed jitkellem fl-edizzjoni tal-programm What’s On Newsbook tal-lum. Dan il-programm jixxandar kuljum wara l-aħbarijiet tal-12pm fuq RTK103. Segwi l-intervista:

Hu qasam ukoll l-esperjenza tiegħu ta’ barra l-Isptar Ġemelli fejn il-Papa jinsab rikoverat. Il-Papa Franġisku bħalissa jinsab l-isptar minħabba pulmonite doppja. Żied jgħid li hemmhekk hemm madwar 50 persuna kontinwament qed jitolbu għall-Papa u laqtu l-ammont ta’ ġurnalisti li qed jitolbu l-kummenti fuq il-Papa Franġisku. Iddeskriva s-sens ta’ ġabra barra l-monument tal-Papa Ġwanni Pawlu II u ħass ukoll sens ta’ tama daqstant viċin tal-Papa. Aspett ħelu li nnota kienu wkoll il-bżieżaq li fuqhom kien hemm messaġġi ta’ awgurju għall-fejqan ta’ malajr.

Fl-aħħar aġġornamenti mediċi ntqal li l-Papa kellu lejl ta’ mistrieħ u qed jirrispondi tajjeb għall-kura. Huwa rringrazzja lill-Insara kollha li qed jinterċedu għall-bżonnijiet tiegħu.

Fr Peter tkellem ukoll dwar dak li jolqtu f’Papa Franġisku fosthom id-diskorsi li għamel f’pajjiżna fiż-żjara li huwa kien għamel u l-aspett sinodali, li aħna bħala Knisja rridu nimxu aktar flimkien fil-mixja tal-fidi tagħna.

Minn Gabriel Lia

Sors: Newsbook Malta