Dalgħodu ngħata bidu għall-Ftuħ tal-Proċess Roman tal-Kawżi għall-Beatifikazzjoni u Kanonizzazjoni ta’ Henry u Inez Casolani.
Stephanie Quintano, li tmexxi l-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani, stqarret, “din hija grazzja għalija li nkun hawn, f’Ruma fil-bidu ta’ dan il-proċess.” L-assoċjazzjoni hija l-hekk imsejħa “Attur” fil-kawża, jiġifieri dik li timbotta l-kawża u tgħin fil-promozzjoni tagħha.
Henry u Inez Casolani huma l-ewwel koppja lajka Maltija li ngħalaq il-proċess djoċesan għall-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tagħhom.
Fr Brendan Gatt li kien ħadem fuq il-każ lokalment spjega ma’ Newsbook Malta li kawża tal-qaddisin ikollha diversi fażijiet. L-ewwel ikun hemm il-fażi djocesana, dak li sar fis-sen li imbagħad meta titlesta dik il-fażi, il-kawża tmur Ruma biex tiġi eżaminata mill-esperti tad-Dikasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin. Din tkun fażi fejn jinfethu l-hekk imsejħa l-“Atti” tal-kawża jiġifieri l-materjal kollu miġbur s’issa u jiġu eżaminati fid-dettall. L-esperti jgħarblu x-xhieda u l-informazzjoni l-oħra biex jaraw jekk jirriżultax li din il-koppja verament kienu eżemplari fil-fidi u l-morali tagħhom. Dan huwa proċess twil u kumpless imma llum ingħata bidu għal dan il-proċess tal-Atti.
F’Lulju tal-2024 l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra l-għeluq tal-inkjesti djoċesani dwar il-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, fil-Knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta, fejn kienet iżżewġet din il-koppja 80 sena qabel.
Il-Postulatur li kkordina l-ħidma fuq iż-żewġ kawżi kien Patri Josef Sciberras OSA, filwaqt li x-xhieda ġiet miġbura minn membri tat-Tribunal Metropolitan. Din il-ħidma kienet bdiet fl-2015.
Min kienu Henry u Inez Casolani?
Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fil-25 ta’ Novembru 1917. L-ubbidjenza, l-umiltà u l-karità kienu l-karatteristiċi ewlenin tal-karattru tiegħu. Kien jaħdem bħala disinjatur tekniku u fuq il-post tax-xogħol ħoloq ambjent miżgħud bl-ispirtu tal-Evanġelju.
Dawk kollha li kienu jafuh kienu jirreferu għalih bħala “l-appostlu tal-paċi.” Matul ħajtu għadda minn ħafna qtigħ ta’ qalb u tiġrib fil-moħbi u għaqqad it-tbatijiet tiegħu mal-passjoni ta’ Ġesù. Henry Casolani kellu fejqan inspjegabbli tal-vista t’għajnejh bl-intercessjoni tal-Beata Suor Maria Adeodata Pisani. Hu miet fid-29 ta’ Diċembru 1999.
Inez Casolani twieldet Bormla fil-11 ta’ Ottubru 1915. Kienet għalliema iżda maż-żwieġ waqfet mix-xogħol u ddedikat ruħha għall-familja u għall-persuni fil-bżonn, fosthom il-morda fl-isptarijiet.
Minn età ċkejkna, kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija kienet tagħmel siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija. L-ispiritwalità ta’ Inez Casolani kienet mibnija fuq erba’ dimensjonijiet: it-talb, il-qari tal-Kelma t’Alla, il-mortifikazzjoni u l-karità.
Hi fieqet minn deni qawwi permezz ta’ relikwa ta’ San Ġorg Preca. Hi mietet fit-13 ta’ Lulju 1992.
Il-koppja Casolani żżewġet fl-1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Huma għexu l-ħajja miżżewga ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb.
Kellhom tifla waħda, Cecilia Mary, li fl-età ta’ 19 il-sena ngħaqdet mas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni. Is-sena li għaddiet bdiet il-ħidma sabiex il-fdalijiet tagħhom eventwalment jiġu trasferiti fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta għall-qima tal-pubbliku.
Sors: Newsbook Malta