Is-seba’ persuni li rċevew is-Sagrament tal-Griżma flimkien mal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Wara diversi xhur ta’ tħejjija spiritwali, seba’ Kattoliċi adulti rċevew is-Sagrament tal-Griżma waqt quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan. Is-Sagrament ġie amministrat mill-Isqof Joseph Galea-Curmi.

Dawn il-persuni, li huma minn Malta, l-Indoneżja, l-Italja u l-Kolombja, għal diversi raġunijiet ma kinux irċevew qabel is-Sagrament tal-Griżma. Biex iħejju għal dan il-pass importanti fil-mixja ta’ fidi tagħhom, ingħataw katekeżi u bażi ta’ formazzjoni spiritwali permezz tal-Ministeru tal-Inizjazzjoni Nisranija tal-Adulti fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Imwaqqaf fl-2021, dan il-ministeru jipprepara lill-adulti permezz ta’ formazzjoni kateketika u ċelebrazzjonijiet liturġiċi biex jgħinuhom jirċievu s-sagramenti tal-Magħmudija, il-Griżma u l-Ewkaristija.

Għal aktar informazzjoni dwar l-akkumpanjament ta’ persuni fil-vjaġġ tagħhom biex isiru Kattoliċi, żur welcome.church.mt.